Lokali Parlament

Gvern b’saqajn tat-tafal li ġab lil pajjiżna mekka tal-korruzzjoni

Ta r-riħ lil ċertu nies li jħossuhom komdi ħafna jduru l-kurituri ta’ dipartiment biex ikomplu jinnegozjaw anke meta jkunu għaddejjin żewġ inkjesti

L-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali li kien ippreżentat fil-Parlament fuq talba tal-Oppożizzjoni biex jinvestiga l-iskandlu tal-Gvern b’rabta mad-deals li saru ma’ Gaffarena fuq l-proprjetà fi Triq Zekka fil-Belt, ikkonferma li dan hu Gvern b’saqajn tat-tafal u Gvern li ġab lil pajjiżna mekka tal-korruzzjoni.

Dwar kif il-Gvern ma baqagħlux kredibbiltà wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-iskandlu fid-deals li saru mid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma’ Gaffarena fuq il-proprjetà Triq Zekka tkellem illejla x-Shadow Minister Jason Azzopardi, fil-Parlament fil-ħin tal-aġġornament.

Jason Azzopardi irrifera għall-kummenti tal-Prim Ministru dwar l-iskandlu ta’ Gaffarena, meta ġimgħa ilu ħareġ jgħid li l-iskandlu ta’ Strada Zekka kien tort ta’ Gvern Nazzjonalista.

Jason Azzopardi għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Gvern ta’ Muscat dwar kif wasal għal din il-konklużjoni, u jekk dak li seħħ taħt dan il-Gvern f’dan l-iskandlu hux tort tal-Gvern u tal-Ministri Nazzjonalisti. Staqsa jekk hux tort ta’ Gvern Nazzjonalista li mill-2014 beda jinħema skandlu biex Gaffarena jġiegħel lill-Gvern Laburista jixtri kwart indiviż ta’ binja fil-Belt.

Il-Gvern bagħat lil Gaffarena jkellem lid-Dipartiment tal-Artijiet akkumpanjat minn membru tiegħu
Saħaq lil kien fi Frar 2015 li dan l-istess individwu offra li jbigħ lill-Gvern Laburista, u li aċċetta, kwart indiviż ieħor tal-istess binja meta l-Gvern ma kellu ebda skop għal tali nofs binja.

Spjega li l-istimi taż-żewġ proprjetajiet mogħtija bi ħlas għal dan it-tieni kwart indiviż saru qabel ma biss Gaffarena xtara t-tieni kwart indiviż.

Staqsa wkoll jekk hux tort ta’ sistema ta’ Gvern Nazzjonalista li d-Dipartiment tal-Artijiet fl-2014, taħt Gvern Laburista, ħalla individwu jibda hu proċess ta’ esproprju meta l-Awditur Ġenerali qal li r-regola hi dejjem li jkun il-Gvern li jibda l-proċess għax il-Gvern jaf x’għandu bżonn.

Jason Azzopardi spjega li meta Gaffarena ltaqa’ mal-politiku u għamillu l-offerta jew proposta biex il-Gvern jixtri mingħandu nofs binja, minflok ma dan bagħtu ’l barra, qallu biex ikellem lid-Dipartiment tal-Artijiet akkumpanjat minn membru tiegħu.
Hu r-rapport tal-Awditur Ġenerali li jgħid li ma nstabet ebda prova jew ħjiel ta’ jekk il-Gvern ikkunsidrax alternattivi għax-xiri ta’ nofs binja.

Ix-Shadow Minister kompla jfakkar li meta Gaffarena ppropona lill-Gvern Laburista li jixtri nofs binja biex jagħmilha Mużew jew Ministeru, il-Gvern aċċetta mill-ewwel mingħajr ma ndenja ruħu jixtarr, jevalwa, jew jitkellem internament.

Sejjaħ din l-imġiba bħala waħda ta’ Gvern tad-dilettanti.

Tkellem biss ma’ Gaffarena
Meta kompla jwieġeb għall-akkuża ta’ Muscat li waħħal fi gvern Nazzjonalista għall-iskandlu li wettaq hu fid-deal li għamel ma’ Gaffarena, Jason Azzopardi qal li hu l-Awditur Ġenerali li ddedika kważi kapitlu mir-rapport tiegħu biex jikkritika bl-aħrax l-assenza totali ta’ xi skop pubbliku wara x-xiri mill-Gvern ta’ nofs binja.

Saħaq li kull esproprju validu jrid ikollu skop pubbliku u sta għal min qed jiffirma li jkun ċert u konvint li jkun hemm skop pubbliku. Minflok ma d-Dipartiment ikkuntatja lis-sidien l-oħra ta’ din il-binja fi Strada Zekka, tkellem biss, u regolarment ma’ wieħed biss a skapitu tal-oħrajn.

Irriżulta wkoll mill-investigazzjonijiet li saru, li ma nstabu ebda minuti li juru x’laqgħat saru, li kienu spissi, ma’ dan l-individwu li ħallewh jagħżel hu l-artijiet li ried.

Irrimarka wkoll li mhux tort ta’ Ministri Nazzjonalisti li d-Dipartiment tal-Artijiet ġab skuża dgħajfa biex jiġġustifika għala xtara kwart indiviż darbtejn meta l-Awditur Ġenerali ddikjara li flus kien hemm kieku riedu jixtruha f’daqqa u jevitaw ħela ta’ flus żejda.

Meta l-politiku ffirma l-esproprju fl-2015, Jason Azzopardi qal li ma staqsiex għala d-Dipartiment kien qed jixtri darbtejn wara xulxin f’temp ta’ xahrejn l-istess kwart indiviż għall-istess binja fejn ma kienx hemm skop pubbliku.
Saħaq li kien fl-2014 u mhux taħt Gvern Nazzjonalista li l-minuti ġew imbagħbsa fil-file tad-Dipartiment tal-Artijiet fuq dan il-każ ta’ Strada Zekka.

Stima bħala art fabbrikabbli biex togħla l-istima
Kien il-Gvern ta’ Muscat li mexa b’għaġla esaġerata u insensata li biha sar l-esproprju ta’ nofs binja fi Strada Zekka, kif irrimarka l-Awditur Ġenerali, tant li stima minnhom saret fl-istess jum li ġiet ordnata.

Meta kompla janalizza r-rapport tal-Awditur Ġenerali, Jason Azzopardi osserva li minflok mal-Ministeru ta’ Joseph Muscat għamel stima bħala bini storiku għal din il-binja fi Strada Zekka, kif kienet titlob il-liġi, għamel stima bħala art fabbrikabbli biex b’hekk ġiet stima ogħla.

Kien ukoll taħt dan il-Gvern ta’ Muscat, li fl-2014 u fl-2015 żewġ uffiċjali għolja, inkluż il-Kummissarju tal-Artijiet magħżul minn dan il-Gvern, fid-Dipartiment tal-Artijiet, urew kif qal l-Awditur, ir-“riservi kbar” u “tħassib gravi” tagħhom għal dan l-esproprju ta’ nofs binja.

Baqa’ għaddej jiffirma u jawtorizza nefqa ta’ miljuni bla skop pubbliku
Dwar dan ħadd ma ta kas u kulħadd, inkluż il-politiku, baqa’ għaddej jiffirma u jawtorizza nefqa ta’ miljuni bla skop pubbliku. Fetħulu għajnejn, kitbulu, u ma tax kashom. Imma tort tagħna.

Ikkritika wkoll kif il-Gvern ta’ Muscat waqqaf proċess li kien beda fl-2010 biex ikun hemm rivoluzzjoni fid-Dipartiment tal-Artijiet u l-130,000 file li hemm ikunu kollha fuq sistema waħda bla biża’ ta’ tbagħbis, serq jew ħabi ta’ files.

Ix-Shadow Minister saħaq li hu dan il-Gvern li ta r-riħ lil ċertu nies li jħossuhom komdi ħafna jduru l-kurituri ta’ ċertu dipartimenti, inkluż tal-artijiet, biex ikomplu jinnegozjaw anke meta jkunu għaddejjin żewġ inkjesti.

Hu wkoll fatt, saħaq Jason Azzopardi, li l-Awditur Ġenerali sab li mingħand Gaffarena l-Gvern xtara proprjetà li tiswa’ €944,500, mentri lilu tawh b’€516,000 flus kontanti u €2,862,000 fi proprjetà oħra, b’kollox €3,378,000.

Muscat waqqa’ l-kawżi biex il-poplu jieħu lura l-Australia Hall u l-Cafè Premier
Jason Azzopardi saħaq li dan hu Gvern falz meta hu biss issa li qed jagħmel kawża biex jieħu lura nofs binja li hu xtara għalxejn, meta l-istess Prim Ministru waqqa’ l-kawżi biex l-poplu jieħu lura l-Australia Hall u l-Cafè Premier.