Lokali

Id-Dipartiment tas-Saħħa jwissi għal prekawzjonijiet kontra l-virus Zika

Id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa qed iwissi biex persuni li qed jippjanaw li jivvjaġġaw f’postijiet fl-Amerika Ċentrali u Latina li huma milquta mill-virus Zika, jieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibbli u jikkonsultaw mat-tobba qabel u wara li jmorru f’dawn il-pajjiżi. Fuq kollox, ommijiet tqal għandhom jipposponu l-vjaġġ tagħhom jekk bi ħsiebhom imorru fil-pajjiżi milquta.

Id-Dipartiment spjega li hemm żewġ tipi ta’ nemus li qed jifirxu l-virus u li s-sintomi tiegħu huma deni fuq diversi jiem, raxx mal-ġisem, uġiegħ fl-għadam u ħmura fl-għajnejn. Spjega li l-virus ma jittiħidx minn persuna għall-oħra u hu rari li dak li jkun ikun jeħtieġ li jinżamm l-isptar. Hu iktar rari li jkun hemm każi ta’ mwiet. Qal ukoll li l-każijiet li nstabu fl-Ewropa huma f’persuni li żaru pajjiżi tal-Amerika Ċentrali jew Latina.

Id-Dipartiment imma qal li fl-Amerika Latina nstabet konnessjoni bejn min jimrad b’dan il-virus u diffikultajiet ta’ tqala u għalhekk ħeġġeġ lil ommijiet tqal biex jinfurmaw lit-tobba tagħhom jekk ikollhom suspett ta’ dan il-virus.

Spjega wkoll li s’issa l-pajjiżi milquta huma El Salvador, Venezwela, Kolumbja u l-Brażil, Suriname, French Guinea, il-Honduras, il-Messiku, Panama u Martinique waqt li qed jiżdiedu l-każijiet fil-Bolivja, Guyana, Ekwador, Gwadelupe, Gwatemala, il-Paragwaj, Puerto Rico, Barbados, Saint Martin u f’Haiti.

Id-Dipartiment appella biex min se jżur dawn il-pajjiżi jieħu miżuri personali kontra l-gdim tan-nemus, fosthom bi prodotti apposta u jużahom skont l-indikazzjonijiet tal-prodott. Fakkar li ċerti prodotti mhumiex rakkomandati għal tfal ta’ tliet xhur jew inqas. Miżuri oħra jinkludu li dak li jkun jilbes ħwejjeġ bi kmiem twal u qliezet twal, speċjalment fl-iktar ħinijiet li normalment jattakkaw in-nemus, u joqgħodu f’postijiet fejn ikun hemm in-nemusieri speċjalment jekk fil-post ma jkunx hemm element ta’ screening adegwat jew arja kundizzjonata.

Spjega wkoll li s-sintomi tal-“virus” normalment jidhru madwar tliet ġimgħat wara li l-persuna tkun irritornat minn postijiet affettwati, u li jekk persuna tara xi sintomi, tikkuntattja mill-iktar fis lit-tabib tagħha.