Il-Prosekutur Ewlieni tal-Malasja warrab l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru Malasjan, Najib Razak. L-allegazzjonijiet kienu konnessi ma’ skandlu finanzjarju li kien ilu għaddej u li qed ikun segwit b’attenzjoni mill-poplu tal-Malasja.
L-Uffiċċju tal-Avukat-Ġenerali fi Kuala Lumpur qal li somma – ekwivalenti għal aktar minn 500 miljun ewro – li tpoġġiet fil-kont bankarju ta’ Najib kienet ‘donazzjoni personali mingħand il-Familja Rjali tal-Arabja Sawdija’. Dan, wara allegazzjonijiet li l-flus kienu ġejjin minn fond għall-investimenti li jitmexxa mill-Istat.
Il-Prim Ministru Malasjan dejjem ċaħad l-akkużi li għamel qligħ kbir mill-korruzzjoni, iżda hu kien ilu żmien taħt pressjoni biex jirriżenja minħabba fihom.
Uffiċjali fil-pajjiż li qed jindagaw dwar il-korruzzjoni qalu, qabel, li Najib kien aċċetta l-flus bħala ‘rigal mingħand finanzjaturi barranin’. Iżda l-Avukat-Ġenerali Mohamed Apandi Ali, ilbieraħ tkellem dwar is-sors ‘Sawdi’ tad-donazzjoni u qal li l-uffiċjali għal kontra l-korruzzjoni kkonfermaw dan wara laqgħa max-xhieda, li kienu jinkludu persuna ‘identifikata bħala d-donatur partikolari’.
B’hekk, l-Avukat-Ġenerali qal li hu konvint li l-ebda provi ma jindikaw li d-donazzjoni setgħet saret bħala forma ta’ tixħim, jew miżura intiża biex tikkorrompi lil Najib u tipperswadih iwettaq ‘ċertu aġir fil-kapaċità tiegħu bħala Prim Ministru’.
//= $special ?>