Lokali

Il-Malta Red Cross tgħin 1,600 persuna fl-2015, issejjaħ għal voluntiera

Il-Malta Red Cross qed issejjaħ għal voluntiera li jixtiequ jitħarrġu magħha u jkunu ta’ servizz għal dawk fil-bżonn.

Dawk kollha interessati għandhom jikkuntattjawha permezz tal-paġna fuq Facebook jew permezz tal-email info@redcross.org.mt.

Il-Malta Red Cross qalet dan hekk kif spjegat li fl-2015 weħidha għenet iktar minn 700 persuna permezz tas-servizz tal-lifeguards u 900 persuna oħra ngħataw assistenza mis-servizz tal-ambulanza. Spjegat li l-maġġoranza tal-għajnuna mogħtija kienet ta’ natura bażika iżda kien hemm inċidenti ta’ natura gravi b’uħud li anke pperikolaw il-ħajja.

Is-soċjetà spjegat li matul is-sena pprovdiet servizzi tal-ewwel għajnuna f’503 avvenimenti differenti, b’servizz ta’ salvataġġ mill-baħar fi 8 siti differenti. Ħarrġet ukoll iktar minn 4,000 persuna fl-għoti tal-ewwel għajnuna. Għenet ukoll 870 persuna meqjusa vulnerabbli b’għajnuna psikoloġika jew b’servizzi mmirati biex isaħħu r-rabta fil-familja.

Kelliema għall-Malta Red Cross qalu li l-maġġoranza tal-inċidenti li jseħħu matul is-sena jkunu jistgħu jiġu evitati bi ftit attenzjoni, fosthom osservazzjoni aħjar ta’ regoli fil-bajjiet u li wieħed jevita dak il-grokk alkoħoliku żejjed. Ħeġġew ukoll lill-organizzaturi ta’ attivitajiet biex jaħsbu għas-servizzi tal-ewwel għajnuna waqt li qalu li hu importanti li f’kull post tax-xogħol u f’kull organizzazzjoni jkun hemm min hu mħarreġ b’mod professjonali biexiwassal l-ewwel għajnuna.