Minkejja li l-Ministru għal Għawdex qed jiftaħar li qed jinħolqu l-impjiegi f’Għawdex, mhux isemmi l-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li turi li l-paga medja f’Għawdex fl-2014 naqset bi kważi €250 ras għal ras.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Frederick Azzopardi, li spjegaw li dan ifisser li ras għal ras l-Għawdxin, mhux talli mhux qed jaqilgħu iżjed, talli qed jaqilgħu anqas minn dak li kienu jaqilgħu fl-2013 u fis-snin ta’ qabel.
Il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu inkwetanti u juri biċ-ċar li l-impjiegi li qed jinħolqu f’Għawdex mhumiex impjiegi ta’ kwalità. Sostna li dan jikkontrasta bil-kbir ma’ kif żdiedet il-paga medja f’ Għawdex fl-eqqel tal-kriżi ekonomika, hekk kif mill-2011 għall-2012 din żdiedet b’aktar minn €700 fis-sena.
Il-Partit Nazzjonalista qal li hu l-Ministeru għal Għawdex stess li qed joħloq impjiegi bil-prekarjat jew viċin il-prekarjat meta fl-aħħar xhur ħaddem skemi fejn il-ħaddiema kienu qed jaħdmu bir-rata tal-paga minima u bla leave u sick leave. Dan minn Ministru ta’ Gvern li qal li ser jeqred il-prekarjat.
L-istatistika qed turi li llum il-paga medja f’Għawdex hi aktar minn €1,200 anqas mill-paga medja f’Malta, meta fi żmien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, id-differenza kienet ta’ ftit aktar minn €500. Dan ifisser li llum, taħt Gvern Laburista, ħaddiem Għawdxi qed jaħdem xahar bla ma jitħallas għalih meta mqabbel ma’ ħaddiem Malti, bil-Ministru għal Għawdex qed jiftaħar b’dan.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista sostna li hemm bżonn li f’Għawdex isir sforz ġenwin ħalli l-impjiegi li jinħolqu jkunu ta’ kwalità u li joffru paga diċenti minflok impjiegi bil-prekarjat jew viċin il-prekarjat.
//= $special ?>