Internazzjonali

Il-prezz taż-żejt: Jibqa’ baxx fost tħassib dwar produzzjoni żejda

Is-swieq taż-żejt internazzjonali kkonfermaw tnaqqis ġdid fil-prezzijiet wara dak irreġistrat matul is-sessjoni tan-negozju preċedenti. Skont l-aħħar statistika, iż-żejt reġa’ naqas taħt it-$30-il barmil fost tħassib konsistenti dwar l-abbundanza tar-riżors fis-swieq u preokkupazzjoni li l-ekonomija taċ-Ċina qed taqta’ lura.

Il-Brent Crude, li hu indikatur ewlieni tas-suq taż-żejt, naqas bi kważi tlieta fil-mija għal $29-il barmil, waqt li l-West Texas Intermediate ukoll ħa daqqa ’l isfel, fejn ukoll kien qed jinbiegħ taħt it-$30.

L-aħħar tnaqqis fil-prezz taż-żejt kien indikat wara informazzjoni li l-volum tal-ġarr tal-merkanzija bis-sistema tal-ferroviji taċ-Ċina naqas bi kważi 12 fil-mija fl-2015, meta mqabbel ma’ tnaqqis ta’ 3.9 fil-mija għat-tnax-il xahar preċedenti.

It-trasport tal-merkanzija fiċ-Ċina jitqies bħala indikatur importanti tal-ekonomija.

Sadanittant, Michael Hewson, li hu analista ewlieni mas-CNC Markets, qal li feġġ aktar tħassib dwar il-kwantitajiet taż-żejt fis-swieq, li qed jissuperaw kull livell ta’ domanda, u waqt li l-produtturi taż-żejt – b’mod partikolari l-Arabja Sawdija – qegħdin iżidu ma’ din il-kwantità b’rati rekord.

Wara li xi jiem ilu, il-prezzijiet taż-żejt dehru li setgħu jistabbilizzaw ruħhom xi ftit, il-bidu tal-ġimgħa reġa’ ra tnaqqis wara li l-Iraq ħabbar produzzjoni għolja, rekord, li qed tkompli tgħarraq suq li ma jiflaħx aktar kwantitajiet tar-riżors.

Madankollu, is-sinjali huma li l-Iraq, li hu membru tal-OPEC, jista’ jżid il-produzzjoni annwali taż-żejt minn 3.7 miljun barmil żejt għal erba’ miljun barmil kuljum.