Fl-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern għogbu jiftaħar bit-tnaqqis fin-numru ta’ persuni qegħda mingħajr ma spjega x’qiegħed iwassal għal dan it-tnaqqis. Ċifri u informazzjoni mgħotija mill-Gvern juru li il-qagħad niżel minħabba l-eluf li ingħataw impjieg mal-Gvern. Il-persuni impjegati mas-settur pubbliku żdiedu b’aktar minn elfejn u ħames mija. L-IMF irrimarkat fuq dan u issa tat parir lill-Gvern biex fin-negozjati tal-collective agreement, il-Gvern jiffriża il-pagi tas-settur pubbliku.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-qagħad niżel ukoll għaliex il-Gvern qaċċat elf ruħ minn fuq ir-registru anke jekk dawn ma instabilhomx impjieg. Oħrajn tneħħew minn fuq r-reġistru mhux għax sabu impjieg produttiv imma għaliex qegħdin jipparteċipaw f’xi skema. Mhux magħruf x’tip ta’ xogħol produttiv ser isibu dawn il-persuni ġaladarba ma jibqgħux parti minn dawn l-iskemi. Lil hinn miċ-ċifri tal-qagħad, il-Gvern għandu jitkellem dwar il-pagi. Is-survey pubblikat minn gazetta lokali ilbieraħ juri kif qed jikber it-tħassib tal-poplu dwar il-pagi baxxi li qed jithallsu il-ħaddiema u l-għoli tal-ħajja. Il-paga medja f’setturi li jħaddmu ghexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema fl-aħħar sentejn u nofs naqset flokk żdiedet.
F’din l-istess stqarrija il-Gvern inqeda bid-Dipartiment tal-Informazzjoni biex jattaka lill-Partit Nazzjonalista u lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa sintomu ieħor ta’ Gvern li ma jafx jagħraf id-differenza bejn dak li huwa tal-Gvern u allura tal-poplu kollu u dak li huwa tal-Partit Laburista. Mhux ta’ b’xejn fl-istess survey wera biċ-ċar kemm aktar nies huma inkwetati bil-korruzjoni.
//= $special ?>

