Lokali Parlament

Jibqa’ jaħbi l-lista ta’ min għandu l-free pass tal-Gozo Channel

Gozo Channel - Ta' Pinu

Il-Gvern jibqa’ jaħbi u ma jagħtix il-lista ta’ min għandu free pass u priority boarding tal-Gozo Channel.

Fil-Parlament, il-Minstru għal Għawdex Anton Refalo għal darb’oħra baqa’ jaħrab mill-mistoqsija tax-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, li staqsa għal darb’oħra lill-Ministru għal Għawdex jagħti l-lista ta’ dawk l-individwi kollha li għandhom il-free pass tal-Gozo Channel u d-data ta’ meta ngħataw dawn il-passes.

Il-Gvern Laburista llum qiegħed jibqa’ jaħbi din il-lista, mhux biss għaliex ma jridx jagħti l-informazzjoni mitluba mill-Oppożizzjon fil-Parlament, iżda għaliex fi z-żmien il-gvern preċedenti, din l-informazzjoni kienet pubblika fil-websajt tal-Gozo Channel. Illum, din l-amministrazzjoni tal-Gvern ta’ Muscat neħħiet din l-informazzjoni minn fuq il-websajt, bil-mistoqsija naturali tkun għalfejn tneħħiet u x’qiegħed jaħbi l-Gvern?

Fit-tweġiba li kien ta fil-Parlament, il-Ministru għal Għawdex qal biss li l-Gozo Channel ma bidlet xejn mill-prassi li kienet tintuża minn żmien l-amministrazzjoni preċedenti, u li dawn ivarjaw minn żmien għal żmien fosthom membri parlamentari, korp diplomatiku u uffiċjali pubbliċi.

Din ir-risposta tibqa’ ma tweġibx il-mistoqsijiet tax-Shadow Minister Chris Said, bil-Gvern jibqa’ jaħbi l-informazzjoni.