Il-poplu Żvediż jinsab ixxukkjat wara l-qtil ta’ mara Żvediża f’ċentru fejn qed jinżammu r-refuġjati adolexxenti fl-inħawi ta’ Molndal, qrib il-belt ta’ Gothenburg.
Il-Prim Ministru tal-Iżvezja, Stefan Lofven, żar l-inħawi tal-omiċidju u fisser il-qtil tal-mara, li kienet impjegata maċ-ċentru, bħala ‘reat terribbli’. Lofven sostna wkoll li l-Iżvediżi qed jinkwetaw li jinqalgħu aktar inċidenti ta’ dan it-tip f’pajjiżhom.
Il-vittma, li kellha 22 sena, issemmiet bħala Alexandra Mezher, bl-awtoritajiet Żvediżi, fil-preżent qegħdin iżommu immigrant ta’ 15 il-sena fuq suspett li hu l-qattiel. Rapporti qalu li residenti oħra taċ-ċentru kienu rażżnu lis-suspettat ftit wara li attakka lil Mezher, li mietet l-isptar mill-ġrieħi li ġarrbet.
L-Iżvezja, is-sena l-oħra, aċċettat kważi 163,000 immigrant li applikaw għall-kenn politiku u li ħafna minnhom ġejjin mis-Sirja.
Intant, il-Parlament fid-Danimarka appoġġja proposta kontroversjali biex ikunu konfiskati l-assi u oġġetti ta’ valur tar-refuġjati li qed ifittxu kenn politiku f’dan il-pajjiż Skandinav. Dan sar permezz ta’ vot fil-Parlament u li jesiġi li l-immigranti jħallsu bl-assi għall-akkommodazzjoni tagħhom fid-Danimarka.
Taħt il-liġi ġdida, ir-refuġjati li jidħlu fid-Danimarka jistgħu jżommu biss oġġetti personali ta’ valur li ma jaqbiżx l-1,340 ewro. Oġġetti ta’ valur sentimentali, bħaċ-ċrieket taż-żwieġ, huma eżenti mill-miżura.
L-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kummissjoni Ewropea kkritikaw din il-proposta. Sadanittant, id-deputati fil-Parlament ta’ Kopenhagen anki appoġġjaw pjani biex, almenu għalissa, tinżamm lura r-reunjoni (fil-pajjiż) ta’ famili tal-immigranti li qed ifittxu kenn politiku fid-Danimarka.
Fi żviluppi oħra, il-gwardja tal-kosta Taljana salvat tal-anqas 124 immigrant waqt missjoni ta’ salvataġġ ‘il hinn mill-kosta tal-Libja. Il-ħidma tas-salvataġġ damet għaddejja s-sigħat matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta.
//= $special ?>