Il-Gvern tal-Brażil qal li se jistazzjona mal-220,000 suldat fil-ġlieda kontra n-nemus li qed iferrex il-virus magħruf bħala Zika, u li għalih għadha ma teżistix tilqima.
Is-suldati għandhom iduru minn dar għal oħra waqt li jqassmu l-fuljetti bl-informazzjoni dwar kif in-nies jistgħu jevitaw il-firxa taz-Zika. Dan il-virus partikolari ssemma b’konnessjoni mat-twelid ta’ eluf ta’ trabi b’moħħhom mhux-żviluppat.
Intant, il-virus qed iqanqal ansjetà kbira, bil-Ministru tas-Saħħa Marcelo Castro itenni li l-Brażil qed ‘jitlef’ il-ġlieda biex jikkontrolla s-sitwazzjoni. Dan meta m’hemm l-ebda trattament għall-virus Zika. Is-suldati, ’il quddiem se jagħtu pariri lin-nies dwar kif jeliminaw postijiet fejn ibejjet in-nemus.
Magħruf li n-nemusa tal-ispeċi Aedes Aegypti tittrasmetti z-Zika u infezzjonijiet oħrajn, b’Castro jirreferi għaliha bħala ‘l-għadu numru wieħed tal-Brażil’. Il-Ministru kompla li ‘Zika’ ġabet waħda mill-akbar kriżijiet tas-saħħa pubblika fl-istorja ta’ pajjiżu.
//= $special ?>