Skont il-ġurnal POLITICO, Malta għandha riżervi dwar il-proposta li qed tiġi diskussa f’livell Ewropew, dwar estensjoni għall-kontroll mill-ġdid ta’ fruntieri bejn pajjiżi.
Il-Ministri tal-Intern iltaqgħu lbieraħ f’Amsterdam, fl-Olanda, biex jiddiskutu l-proposta li pajjiżi fl-UE jitħallew jestendu s-sospensjoni ta’ Schengen sa massimu ta’ sentejn oħra.
Il-Ministru Olandiż talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tħejji l-bażi legali u prattika biex din il-proposta tkun tista’ sseħħ hekk kif numru ta’ pajjiżi fl-UE qed jitolbu li jitħallew jikkontrollaw l-influss ta’ refuġjati. Il-Ġermanja u l-Awstrija huma fost il-pajjiżi li aktarx ikunu l-ewwel li jitolbu l-estensjoni tas-sospensjoni ta’ Schengen, hekk kif kienu huma l-ewwel li f’Settembru reġgħu daħħlu l-kontroll tal-fruntieri. Din il-proċedura, skont ir-regoli Ewropej, tiskadi f’Mejju. S’issa huma sitta l-pajjiżi li reġgħu daħħlu l-kontroll tal-fruntieri. Minbarra l-Ġermanja u l-Awstrija, hemm Franza, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja.
Skont POLITICO, ladarba l-proposta mressqa tiddaħħal fis-seħħ, il-proċess biex is-sospensjoni ta’ Schengen tiġi estiża sa massimu ta’ sentejn mhux se jkun wieħed faċli. Pajjiż ikun irid jissottometti Opinjoni lill-Kummissjoni Ewropea, li tevalwaha u tagħti r-rakkomandazzjoni tagħha lill-gvernijiet nazzjonali.
Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea qal li l-permess li s-sospensjoni tiġi estiża titqies bħala l-aħħar alternattiva. Insista li l-pajjiżi se jibqgħu għaddejjin bil-miżuri tal-istrateġija tal-immigrazzjoni, inkluż ir-rilokazzjoni ta’ dawk li qed jitolbu status ta’ refuġjat u l-pjan ta’ azzjoni mat-Turkija.
POLITICO irrapporta li l-Ġermanja u l-Awstrija ppruvaw iżidu l-pressjoni fuq il-Greċja u jhedduha li tista’ tiġi eskluża miż-żona Schengen jekk ma żżidx il-kontrolli fuq il-fruntieri esterni tagħha. Imma ntqal ukoll li kien hemm diżgwid bejn Ministri ta’ pajjiżi differenti, fosthom tal-Lussemburgu, li qed jinsisti li l-ippuntar tas-swaba’ ma jgħin lil ħadd u li “min qed jipponta subgħajh mhux juri jdejh għar-rilokazzjoni tar-refuġjati”.
//= $special ?>