Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) ħarget liċenzja lil Sadeen Education Investment Ltd biex tibda taħdem bħala ‘Higher Education Institution’ taħt l-isem ta’ “American Institute of Malta”.
L-“American Institute of Malta” suppost kellu jkun l-“American University of Malta”, li l-Gvern ħarġilha l-permess biex tinbena fuq art ODZ fiż-Żonqor. Dan il-proġett ġab kundanna kbira mis-soċjetà ċivili, mill-għaqdiet ambjentali, mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u saħansitra twaqqaf anke Front kontra dan il-proġett.
F’Diċembru, l-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni mill-iżviluppatur Ġordaniż għall-bini fiż-Żonqor kienet oriġinarjament bħala Università, iżda mbagħad l-applikazzjoni għall-hekk imsejħa “American University of Malta” kienet mibdula minn Università għal Istitut ta’ Edukazzjoni Ogħla, li se jkun imexxi minn kumpanija li teċċella fil-kostruzzjoni iżda li ma għandhiex esperjenza fit-tmexxija ta’ Università.
Fl-istess ġimgħa li tħabbar il-proġett, kien inħareġ Avviż Legali, li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta Mozzjoni dwaru. L-Avviż Legali kien jistabbilixxi standards ġodda biex Istituzzjoni Ogħla tkun tista’ tingħata l-liċenzja ta’ Università. Dakinhar, l-Oppożizzjoni kienet argumentat li l-Avviż Legali hu kontroversjali għal diversi raġunijiet, fosthom li jakkomoda lil din li suppost hi Univeristà Amerikana, tant li l-NCFHE ma kienx ser ikollha problema tapprova l-liċenzja għal Università.
L-investituri Ġordaniż issa informaw lill-NCFHE li l-intenzjoni li tinkiseb liċenzja ta’ status ta’ Università taħt l-isem “American University of Malta” għadha valida, għalkemm il-liċenzja għal Istituzzjoni Edukattiva Ogħla hi aktar faċli li tinkiseb. Fi stqarrija, l-NCFHE qal li l-ħruġ ta’ din il-liċenzja hu pass biex l-applikant possibilment jilħaq il-kriterji meħtieġa għal status ta’ Università.
Ingann ieħor ta’ Joseph Muscat – il-PN
Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din l-aħbar hi konferma tal-ingann li jimxi bih il-Prim Ministru Joseph Muscat, li ilu sena sħiħa jgħid li din hija Università meta dan qatt ma kien minnu.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat saħansitra inganna wkoll lill-Parlament għax għadda Riżoluzzjoni biex jitrasferixxi art pubblika lil entità li sejjaħ Università meta qatt ma kien il-każ. Muscat saħansitra semma’ l-Università fir-reċta tiegħu tal-Ewwel tas-Sena meta kien jaf li din ma kinitx Università.
L-Oppożizzjoni tikkundanna l-ingann tal-Prim Ministru u tistenna li l-Gvern jieqaf jigdeb u jinsulta l-intelligenza tal-poplu. L-istqarrija tkompli li l-Oppożizzjoni għadha qed tistenna lill-NCFHE tiddikjara pubblikament x’passi se tieħu kontra l-entità li rreklamat lilha nnifisha bħala Università bla ma qatt kienet Università.
Jekk ma tieħux passi, il-Kummissjoni tkun qed tonqos milli tħares l-istandards edukattivi f’pajjiżna għax ikun ifisser li kulħadd jistà jagħmel li jrid, anke fil-kamp edukattiv, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>

