Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ikkritika lil Vladimir Lenin, il-fundatur tal-eks-Unjoni Sovjetika komunista, talli, skont hu, ‘kien qiegħed bomba tal-ħin’ taħt l-Istat. Sadanittant, Putin ma naqasx milli jikkritika s-sistema tar-ripressjoni brutali esegwita mill-Gvern Bolxevista ta’ dak iż-żmien.
Il-kritika qalila rriservata għal Lenin mhix ħaġa tas-soltu min-naħa ta’ Putin, li, fil-passat, dejjem ħareġ b’kummenti meqjusa dwar l-istorja tar-Russja biex ma jurtax sezzjoni partikulari ta’ votanti.
Vladimir Lenin għadu meqjum minn komunisti u residenti oħrajn tar-Russja; iżda Putin, din id-darba ħareġ b’evalwazzjoni ‘kiefra’ tar-rwol tal-Lenin fl-istorja tal-pajjiż, waqt li hu kien qed jiltaqa’ ma’ attivisti li jappoġġaw lill-Kremlin, fil-belt ta’ Stavropol.
Il-President Putin ikkundanna lil Lenin u lill-Gvern tiegħu dwar il-qtil tal-aħħar tsar tar-Russja, flimkien ma’ qrabatu u l-qaddejja tiegħu. Saret ukoll kundanna għall-qtil ta’ eluf ta’ qassisin mir-reġim ta’ Lenin u, b’mod partikolari, ‘għall-bomba tal-ħin li (Lenin) impona fuq l-Istat wara li kien fassal il-fruntieri amministrattivi fuq linji etniċi’.
Skont Putin, eżempju tal-‘wirt qerriedi ta’ Lenin’ hu Donbass, ir-reġjun industrijali fl-Ukrajna tal-Lvant, fejn żbruffat ir-rewwixta tas-separatisti li jridu unjoni mar-Russja, ġimgħat wara li Moska għaqqdet il-peniżola Ukrena tal-Krimea mat-territorju Russu.
’Il fuq minn 9,000 mietu fil-kunflitt tal-Ukrajna tal-Lvant u l-konfronti qed ikomplu minkejja l-ftehim għall-paċi ta’ Frar li għadda. Intant, il-kritika kontra Lenin tista’ tkun parti minn pjan ta’ Putin biex jiġġustifika l-politika ta’ Moska fil-kriżi tal-Ukrajna. Madankollu, il-kliem ta’ Putin dwar Lenin jista’ jirrifletti wkoll it-tħassib tal-Kremlin dwar ‘sentimenti tas-separatisti potenzjali’ f’numru ta’ provinċji tar-Russja.
//= $special ?>