Lokali Qorti

Se jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin persuni b’rabta mal-inċident tal-PlusOne

Għadd ġmielu ta’ persuni adulti u oħrajn minorenni, mill-bidu tax-xahar id-dieħel se jibdew jitressqu l-Qorti b’rabta mal-inċident serju li seħħ fil-15 ta’ Novembru li għadda fl-istabbiliment PlusOne f’Paceville.

L-Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Doreen Clarke, li r-riżultat tagħha kien magħruf fl-4 ta’ Jannar u ġie ppubblikat fl-aħħar jiem, stabbiliet diversi nuqqasijiet mhux biss matul il-lejl tal-inċident, iżda wkoll fil-post tad-divertiment innifsu u l-mod kif kien qed jopera.

Sorsi fissru li fost l-akbar nuqqasijiet stabbiliti fl-Inkjesta Maġisterjali hemm il-fatt li fil-post kien hemm preżenti għadd ġmielu ta’ minorenni, li kollha daħlu fl-istabbiliment mingħajr ma ħadd talabhom xi forma ta’ dokumentazzjoni ħalli juru kemm għandhom żmien.

Nuqqas ieħor kien li fil-post kien hemm impjegati u klijenti, fosthom żgħażagħ minorenni, li nstab li kienu qed ipejpu ġewwa. Dan minbarra li kien hemm għadd kbir ta’ nies aktar milli suppost għax filwaqt li l-istabbiliment għandu l-kapaċità ta’ 200 persuna fl-istess ħin, fil-ħin tal-inċident jirriżulta li kien hemm madwar 450 persuna.