Xahar u nofs wara kontroversja internazzjonali bejn Malta u l-Italja, bis-sekwestru tal-lanċa tas-sajd Mariella, issa jidher li nstab kompromess.
Dan hekk kif siti fl-Italja qed jirraportaw li l-lanċa tas-sajd, li ġiet sekwestrata mill-awtoritajiet lokali fid-9 ta’ Diċembru, bl-ekwipaġġ tagħha abbord, mistennija tirritorna lejn Siracusa.
Il-Mariella kienet daħlet f’pajjiżna minħabba ħsara fil-magna, iżda l-awtoritajiet Maltin qed jakkużaw lill-ekwipaġġ b’sajd illegali fit-territorju ta’ pajjiżna/.
Issa, skont sid id-dgħajsa Massimo Miraglia, jonqos biss dokument wieħed biex finalment il-lanċa tas-sajd tħalli pajjiżna. Madankollu jidher li l-awtoritajiet Maltin illimitaw il-moviment tal-lanċa sat-territorju Taljan.
F’pajjiżna, il-kaptan tal-lanċa kien ordnat jiffirma erba’ darbiet fil-ġimgħa għand il-Pulizija wara li l-każ spiċċa fil-Qorti.
Il-każ qajjem kontroversja hekk kif l-avukat Taljan Giuseppe Bottaro fisser din is-sitwazzjoni bħala inaċċettabbli u qal li l-awtoritajiet Maltin għandhom jirrispettaw id-dritt u dover ta’ stat membru li jikkollabora ma’ stat membru ieħor.
Saħansitra akkuża lill-awtoritajiet ta’ pajjiżna li qed jaġixxu b’mod illegali u mhux jirrispettaw il-konvenzjonijiet internazzjonali.
Fit-8 ta’ Jannar l-avukat rappreżentant tas-sajjieda Siċiljani qal fil-Qorti li l-arrest tal-ekwipaġġ jammonta għal trattament inuman u degradanti, bl-ekwipaġġ jgħid li l-arrest tagħhom kien illegali, għalkemm l-avukati tad-Dipartiment tas-Sajd f’Malta qalu li dawn mhux arrestati.
Fil-Qorti mistennija tagħti l-ġudizzju tagħha dwar dan il-każ fit-28 ta’ Jannar.
//= $special ?>

