Lokali

Aġġornata: Il-pakkett suspettuż f’San Pawl il-Baħar kien “mimli bl-iskart”

Aġġornament: Fortunatament, irriżultat fin-negattiv il-ħidma li saret fuq pakkett suspettuż li nstab dalgħodu f’San Pawl il-Baħar.

Dan hekk kif ħidma minn Pulizija mir-Rapid Intervention Unit (RIU) u mill-Explosives Ordnance Disposal (EOD) tal-Forzi Armati wasslet biex il-pakkett infetaħ u nstab li dan kien “mimli bl-iskart”.

B’hekk, l-awtoritajiet serrħu ras il-pubbliku li dan ma kienx ta’ periklu. Sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li l-proċedura li ntużat dalgħodu f’dan il-każ hi dik użata f’ċirkostanzi bħal dawn.

Dan hekk kif huma ma jkunux iridu jħallu l-ebda possibbiltà ta’ riskju.

Aktar kmieni …
Il-Pulizija qed tinvestiga s-sejba ta’ pakkett suspettuż, li nstab dalgħodu f’San Pawl il-Baħar.

Il-pakkett instab fi Triq Isouard u fil-post marru numru ta’ Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, li għalqu l-aċċess għat-triq u għal oħrajn tal-madwar.

Fil-post issejħu wkoll membri mill-Explosives Ordnance Disposal (EOD) tal-Forzi Armati biex ikun ikkonfermat x’fih il-pakkett.