Ewropa

David Casa se jippreżenta l-pożizzjoni tal-PPE dwar l-Ewropa Soċjali

Il-kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, David Casa, se jkun fi Bratislava fejn se jippreżenta d-dokument bil-pożizzjoni tal-Partit Popolari Ewropew dwar l-Ewropa Soċjali u Moderna.

Bħala koordinatur tal-affarijiet soċjali u tal-qasam tax-xogħol, David Casa hu l-Ewroparlamentari prinċipali għal dan is-settur fi ħdan il-PPE li hu rappreżentat minn 217-il Ewroparlamentari.

L-MEP Nazzjonalista stqarr li fl-aħħar xhur mexxa proċess ta’ konsultazzjoni mal-MEPs u ma’ korpi oħra konċernati bil-għan li jfassal pożizzjoni komuni li tistabilixxi dak li għandu jintlaħaq mill-politika tal-UE għall-qasam soċjali. Qal li dan il-proċess wasal fi tmiemu u se jiġi diskuss u jittieħed vot fuqu waqt il-laqgħa ta’ din il-ġimgħa tal-PPE.

Jekk ir-rapport ta’ Casa jiġi adottat, dan se jservi bħala qafas li jiggwida l-inizjattivi ta’ Ewroparlamentari oħra fi ħdan il-PPE fil-qasam tal-politika soċjali.

David Casa qal li jħossu onorat li ġie afdat b’dan ir-rapport u jħares ’il quddiem lejn dibattitu kostruttiv qabel il-vot.