Lokali Parlament

Il-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora problemi fit-tħaddim tal-finanzi tal-Gvern

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco appella lill-Ministru tal-Finanzi u lill-Gvern ma jibqax jinjora s-sinjali f’ċertu setturi tal-ekonomija li mhumiex sejrin tajjeb bħal setturi oħra, u lanqas ma jinjora li hemm problemi fit-tħaddim tal-finanzi tal-Gvern u li dawn iridu jiġu indirizzati.

Il-ħaddiema mhux qed iħossu li l-paga qed tiżdied bl-istess rata tat-tkabbir ekonomiku
Mario de Marco fisser li minkeja li l-Gvern jiftaħar li l-ekonomija qed tikber, il-ħaddiema mhux qed iħossu li l-paga qed tiżdied bl-istess rata tat-tkabbir tal-ekonomija. Ħafna qed iħossu li d-dħul tagħhom hu baxx wisq.

Semma wkoll il-fenomenu ta’ nies jgħixu f’riskju ta’ faqar u qal li 100,000 ruġ, wieħed min kull erba’ ċittadin Malti qed jgħixu f’riskju ta’ faqar. Filwaqt li l-fenomenu tal-faqar ilu għal diversi snin, hu fatt li dan żdied u mhux naqas fl-aħħar tliet snin.

In-nies f’riskju ta’ faqar qed jiżdiedu u mhux jonqsu
F’riskju ta’ faqar huma wkoll l-anzjani bil-pensjoni minima. Appella għal analiżi serja dwar il-pensjoni u l-pensjonanti hekk kif irrmarka li kien ikun aktar għaqli li minflok ma s-settur pubbliku jiżdied b’2,500 li qed iżżid in-nefqa pubblika, jiġu megħjuna dawk f’riskju ta’ faqar għaliex il-miżuri tal-Gvern dwar il-pensjonijiet mhumiex biżżejjed biex tinegħleb l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

Il-prezzijiet ogħla tal-fuel qed iħalli impatt negattiv fuq il-poplu u fuq il-kompetittività tal-industrija
Tkellem ukoll dwar l-importanza li pajjiżna jkun kompetittiv mal-kompetuturi tagħna u saħaq li l-politika tal-Gvern li jżomm il-prezzijiet tal-fuel fissi meta waqgħ l-prezz taż-żejt, qed tħalli impatt negattiv fuq l-attività ekonomika u fuq l-industrija li ma tistax tikkompeti ma’ industriji barranin li qed iħallsu prezzijiet għall-fuel ferm orħos.

Ikkritika li din hi politika li mhix ġusta u sensata meta l-Gvern qed juża l-qligħ għalih mill-fuels biex jagħmel tajjeb għan-nefqa akbar fl-impjiegi żejda fis-settur pubbliku.

L-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu bi kważi bi 8% f’sena
Talab lill-Ministru jwieġeb ukoll b’rispett lejn il-Parlament u lejn il-poplu, dwar l-istatistika maħruġa f’Settembru li għadda mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi kif l-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu bi kważi bi 8% f’temp ta’ sena.

Minkejja li mhux preżenti għad-dibattitu fil-Parlament, Mario de Marco qal li xorta qed jappella lill-Ministru tal-Finanzi għal politika li tkun ta’ ġid għall-poplu, għal politika ta’ sostenibbiltà għall-aħjar ekonomija għall-pajjiżna, u biex ikun realistiku u jindirizza l-isfidi reali b’miżuri li jgħinu u mhux ifixklu lill-ekonomija.

Aktar tard fis-seduta tal-lejla, il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia kkonferma li l-Ministru tal-Finanzi mhux preżenti għad-dibattitu parlamentari minħabba li dalgħodu siefer għal taħditiet dwar il-Presidenza tal-UE li se tmexxi Malta.