Lokali Parlament

Il-Gvern ma jżommx lil Marlene Farrugia fil-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar

Jaħtar minflok lil Franco Mercieca u jagħti kariga oħra lill-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia

Il-Gvern ma laqax l-appelli ta-Oppożizzjoni biex iżomm lill-eks-Deputat Laburista Marlene Farrugia fil-kariga ta’ Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Il-Gvern ħatar lill-eks-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca fit-tmexxija ta’ dan il-Kumitat.

Marlene Farrugia kienet inħatret f’April tal-2013, ftit wara li beda jiltaqa’ l-Parlament f’din il-leġiżlatura tal-Gvern ta’ Muscat. Il-Kumitat tal-Ambjent u l-Ippjanar kellu quddiemu diskussjonijiet importanti u jaħarqu b’rabta mal-wegħdi li għamel Muscat qabel l-elezzjoni b’rabta mal-ambjent, f’liema deċiżjonijiet li ħa l-Gvern saret kritika qawwija minn Marlene Farrugia.

Id-diskussjonijiet jaħarqu fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienu marbuta mal-mod kif il-Gvern iddeċieda u għadda b’għaġla l-liġijiet li qasmu lill-MEPA f’żewġ awtoritajiet meta l-Gvern ma kienx ta żmien li l-ewwel jistenna l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-għaqdiet ambjentali u s-soċjetà ċivili qabel ma jiddibatti l-liġijiet fil-Parlament.

L-aħħar dibattti jaħarqu fil-Kumitat Ambjentali trattaw l-għażla tal-Gvern tal-art ODZ fiż-Żonqor biex tiġi żviluppata mill-Ġordaniżi fejn issa se jkunu qed jibnu istituzzjoni edukattiva għolja iżda mhux università. Marlene Farrugia kienet ivvutat kontra r-riżoluzzjoni tal-Gvern fil-Parlament għall-għoti taż-Żonqor lill-Ġordaniżi.

Marlene Farrugia kienet lesta terġa’ tmexxi l-Kumitat Ambjentali
Marlene Farrugia kienet esprimiet l-apprezzament tagħha wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil innominaha biex tibqa’ tmexxi fil-kariga ta’ Chairperson il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Marlene Farrugia kienet iddikjarat li kienet lesta tieħu f’idejha t-tmexxija tal-Kumitat bl-appoġġ tal-ENGOs.

F’Novembru li għadda, Marlene Farrugia kienet irriżenjat mill-Partit Laburista, mill-Grupp Parlamentari Laburista u minn Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp wara li vvutat mal-Oppożizzjoni u kontra l-Gvern fuq żewġ emendi mressqa mill-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent minħabba li ddikjarat li l-Gvern ta’ Joseph Muscat reġa’ mar kontra dak li kien wiegħed fil-Manifest Elettorali tiegħu stess.

Il-ħatra ta’ Franco Mercieca bħala President tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent, tħabbret mill-Gvern ilbieraħ, fl-istess ġurnata li l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius staqsa lill-Ispeaker jinforma lill-Kamra dwar min huma c-Chairpersons/Presidenti u l-membri ta’ kull Kumitat Permanenti u Kumitati oħrajn Parlamentari sad-data li tinghata r-risposta.

It-tibdil fi-karigi ta’ Presidenti u membri tal-Kumitati Parlamentari tħabbru f’mozzjonijiet li d-Deputat Prim Ministru Louis Grech ippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta tal-bieraħ filgħaxija.

Il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia jinħatar membru fil-Kumitat Ambjentali u President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet tal-Familja
Il-Gvern ħabbar ukoll li ħatar fuq l-istess Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, lid-Deputat Laburista u Whip tal-Gvern, Godfrey Farrugia, bħala membru tal-istess Kumitat minflok Franco Mercieca li issa se jkun Chairperson tal-Kumitat.

F’aktar ċaqliq fil-karigi tat-tmexxija tal-Kumitati Parlamentari, il-Gvern ħatar lid-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, li hu wkoll il-Kummissarju għas-Simplifikazzjonijiet u Tnaqqis tal-Burkorazija, bħala President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali minflok Deborah Schembri li issa daħlet fil-kariga ta’ Segretarju Parlamentari minflok Michael Falzon.

F’aktar ċaqliq li għamel il-Gvern, ħatar ukoll lid-Deputat Laburista Godfrey Farrugia bħala President tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet tal-Familja minflok Anthony Agius Decelis li issa se jkun qed imexxi l-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali.