Internazzjonali

Il-prezz taż-żejt jibqa’ baxx

Il-kwantità taż-żejt esaġerata fis-swieq internazzjonali għandha tkompli bħala fattur konsistenti, din is-sena, meta l-Arabja Sawdija qed tirrifjuta li trażżan il-produzzjoni jekk ħaddieħor ma jiħux azzjoni. Sadattant ir-Russja qed tippompja ż-żejt fuq livelli rekord, waqt li l-Iran irritorna bħala protagonista fis-suq, bl-Iraq għadu kemm jikkonferma produzzjoni rekord tar-riżors.
Ladarba s-swieq u l-analisti jdawwru l-attenzjoni fuq il-ħażniet taż-żejt żejda attwali – magħrufa bħala oversupply – fis-swieq, il-prezzijiet huma disposti li jonqsu aktar.
Sadattant, l-aħħar informazzjoni mill-American Petroleum Association żvelat żieda kbira fir-riservi taż-żejt (mhux irraffinat) domestiċi tal-Istati Uniti ekwivalenti għal 11.4 miljun barmil.
Minbarra dan, il-barometru tal-Brent crude kompla juri prezzijiet sostanzjalment baxxi, li għalissa huma stabbiliti madwar $31 il-barmil.
Is-sens li t-tħassib u l-inkwiet dwar l-abbundanza taż-żejt u l-konsegwenzi se jibqgħu fatturi kontinwi tul is-sena kien rifless fi tbassir ġdid mill-Bank tad-Dinja. Skont dan it-tbassir, il-prezz medju għal barmil żejt għall-2016 naqas minn $51 għal $37.
L-analisti jaqblu dwar ‘ir-realtà’ li s-swieq li diġà qegħdin jegħrqu taħt il-ħażniet taż-żejt li jissuperaw kull domanda qegħdin ‘jilqgħu’ dejjem aktar kwantitajiet, ikkalkulati bil-miljuni, u meta l-produzzjoni ilha żmien superjuri għal kull kunċett ta’ xiri.
F’din is-sitwazzjoni, l-Iraq laħaq livelli ġodda ta’ produzzjoni waqt li l-Iran – li beda era ġdida ta’ wara s-sanzjonijiet internazzjonali imposti fuqu minħabba l-programm nukleari tiegħu – lest biex ikompli ‘jgħarraq’ is-swieq.
Minbarra dan, il-produzzjoni taż-żejt mill-Istati Uniti żgur li ma naqsitx waqt li l-Arabja Sawdija tibqa’ determinata li tkompli bil-livell ta’ produzzjoni attwali biex ma titlifx sehem mis-suq.