Lokali Qorti

Illiberat minn ħażna ta’ splussiv u nar illegali

Raġel ta’ 48 sena, mix-Xagħra Għawdex, ġie lliberat mill-Qorti t’Għawdex li ma sabitux ħati li ħadem jew ħażen splussiv jew logħob tan-nar mingħajr liċenzja tal-Pulizija.

Il-Maġistrat Joe Mifsud kellu kliem iebes għall-Prosekuzzjoni dwar il-mod kif imxiet f’dan il-każ, li jmur lura sal-2008. Minbarra li ċanfar lill-Prosekuzzjoni għall-fatt li ma ppreżentatx is-sottomissjoni tagħha bil-miktub, kif kienet mitluba, il-Maġistrat elenka numru ta’ nuqqasijiet min-naħa tal-Pulizija f’dan il-każ.

L-akkużat, Joseph Spiteri, tressaq il-Qorti wara li l-Pulizija sabet ammont ta’ splussiv fi trakk miftuħ f’garaxx taħt blokk appartamenti fix-Xagħra.

Il-każ beda minn telefonata anonima u fil-post il-Pulizija sabet ammont żgħir ta’ porvli u materjal ta’ nar tal-festi fi trakk miftuħ li mbagħad ħaditu l-Għassa tar-Rabat. It-trakk kien propjetà ta’ kumpanija u kien jiġi misluf lid-dilettanti tal-festa tax-Xagħra. Kien ilu ggaraxxjat mill-2005. Il-Qorti semgħet kif anke l-post fejn instab it-trakk bil-materjal kien propjetà ta’ kumpanija oħra.

Il-Qorti nnutat li l-akkużat dejjem ċaħad li l-isplussiv kien tiegħu u li l-ewwel darba li rah kien fl-Għassa tal-Pulizija fir-Rabat, Għawdex. L-akkużat kien spjega wkoll li t-trakk kien silfu biex fih jaħżen xi affarijiet ma’ ġemb is-sit fejn jinħaraq in-nar tal-festa tal-Vittorja, fix-Xagħra.

Il-Maġistrat ċanfar lill-Prosekuzzjoni għal diversi nuqqasijiet, ewlenin fosthom il-fatt li ma ssiġillatx il-post fejn instab il-materjal, li ma wettqet ebda osservazzjoni dwar min kien juża l-garaxx li fih instab il-materjal, li elevat il-materjal splussiv mill-post u poġġiet f’riskju lil membri tal-Korp, u li ma nfurmatx lil sid it-trakk li kellu jkun preżenti waqt l-ispezzjoni tal-Pulizija.

Il-Maġistrat innota wkoll li l-marki tas-swaba’ misjuba fuq il-materjal splussiv ma kienux jaqblu ma’ dak tal-imputat u lanqas ma’ dawk ta’ tliet suspettati oħra. Insista li l-Uffiċjal Prosekutur kellu joqgħod iktar attent f’każ bħal dan li jista’ jġorr sa massimu ta’ disa’ snin priġunerija.

Ikkritika lill-Pulizija wkoll li ma nvestigawx jekk id-dilettanti tan-nar tal-festa tax-Xagħra, li lilhom kien ġie misluf l-istess trakk qabel is-sejba tal-materjal splussiv, kienux ħallew xi materjal tagħhom bi żvista waqt li rrimarka li skont il-Forzi Armati ta’ Malta, il-materjal misjub kien wieħed żgħir li anke jekk kellu jintuża kollu, ma kienx ikun biżżejjed għal murtal wieħed u għalhekk it-trakk ma setax jintuża biex jinħadem in-nar fih.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josric Mifsud waqt li d-Difiża kienet immexxija mill-avukat Joseph Grech.