Qorti

Illiberati mill-akkuża ta’ xhieda u ħalf falz fil-Qorti

Il-Qorti t’Għawdex illiberat lill-aħwa Ryan Hili u Jezebel Xuereb, u lir-raġel ta’ Xuereb, Tonio Xuereb, mill-akkużi ta’ xhieda falza fil-Qorti u ta’ ħalf falz taħt ġurament f’kawża ċivili.

Il-Maġistrat Joe Mifsud wera t-tħassib tiegħu għal dik li tidher drawwa li dieħla l-iktar fil-Qrati f’Għawdex. Spjega li meta xhud jiddeponi f’kawża u jkun hemm xi diskrepanzi fix-xhieda tiegħu, qed isir rapport mill-ewwel lill-Pulizija biex jittieħdu passi kriminali kontra l-individwu.

Il-Maġistrat sejjaħ din il-prassi bħala abbuż serju ħafna u qal li l-Pulizija għandha tifli jekk ikunx hemm lok li jittieħdu passi kontra l-individwu minflok ma taħli ħin il-Qorti u twassal għal spejjeż żejda għall-individwu.

Sejħilhom piki stupidi u skandalużi u saħaq li l-ġudikanti, il-Pulizija u l-avukati għandhom piż kbir biex ma jħallux lill-Qrati jispiċċaw fora għall-piki bejn il-partijiet fuq kull ħaġa trivjali.

Dwar dan il-każ partikolari, il-Qorti nnutat li missier tnejn mit-tliet imputati kien fetaħ kawża ċivili, li għadha għaddejja, dwar inċident li kien seħħ fl-1 t’Awwissu tal-2000 fejn il-misser qed jitlob likwidazzjoni u ħlas ta’ danni minħabba ġrieħi li sofra. Uliedu u r-raġel ta’ bintu kienu fost ix-xhieda li taw il-verżjonijiet tagħhom dwar inċident separat.

Il-Qorti nnutat ukoll li xi xhieda kienu tefgħu dell ikrah fuq ulied il-missier, li kien talab biex l-imputati jagħtu l-verżjoni tagħhom biex inaddaf il-ħmieġ li ntefa’. Il-Qorti saħqet li ma taqbel xejn li ngħata dan iċ-ċans u li l-Qorti mhix washing machine biex tnaddaf tbajja’ jew ħmieġ imma biex tiddeċiedi dak li jiġi ppreżentat quddiemha.

Għaldaqstant iddeċidiet li mill-provi miġjuba quddiemha, it-tliet persuni mressqa quddiemhom kellhom jiġu lliberati minn kull akkuża.