Internazzjonali

Imut Black…il-kantant ta’ ‘Wonderful Life’


Il-kantant u mużiċista Black ( ismu proprju Colin Vearncombe) miet fl-età ta’ 53 sena wara li sofra ġrieħi gravi f’rasu, dovuti għal inċident b’vettura.

Black, li ġej minn Liverpool, kellu suċċess globali fl-1987 bil-kanzunetta Wonderful Life. Intant, hu tilef ħajtu minn kumplikazzjonijiet f’moħħu wara li kien ħabat bil-karozza tiegħu qrib l-Ajruport ta’ Cork, fl-Irlanda, fl-10 ta’ Jannar li għadda.

Il-kantant kien ilu minn dakinar jinżamm l-isptar taħt kura intensiva u mewtu tħabbret fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu bil-messaġġ sempliċi ‘Colin Vearncombe. 26/5/1962-26/1/2016’.

Black kien għamel ukoll suċċess bil-kanzunetta ‘single’ Sweetest Smile filwaqt li ħareġ ħmistax il-album taħt ismu. Intant, hu kellu numru ta’ talenti oħra u, fost oħrajn, ippubblika l-poeżija filwaqt li organizza l-wirjiet ta’ pitturi tiegħu stess fl-Irlanda, fejn kien dam jgħix għal għaxar snin.