Internazzjonali

Irid azzjoni urġenti kontra z-Zika virus

Il-President Amerikan, Barack Obama, sejjaħ għal azzjoni urġenti kontra l-virus taz-Zika, li hu konness mat-twelid tat-trabi b’moħħhom mhux-żviluppat.
Obama insista li r-riċerka għall-iżvilupp tat-tilqim u trattament ieħor validu għandha taqbad ritmu aktar imgħaġġel. Dan, waqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-virus, probabbilment, se jinfirex madwar il-kontinent kollu tal-Americas.
Iz-Zika diġà feġġ f’21 pajjiż tal-Karibew, l-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel. Is-sintomi tal-virus jinkludu, fost oħrajn, uġigħ fir-ras, conjunctivitis u deni.
Intant, it-tobba huma l-aktar inkwetati dwar il-ħsara li l-virus jista’ jikkawża lit-trabi fil-ġuf tal-omm.
Il-Brażil irreġistra żieda qawwija fil-każi ta’ microcephaly – il-kundizzjoni li biha t-trabi jitwieldu b’irjus żgħar abnormali. Sadanittant, hemm pajjiżi fl-Amerika t’Isfel u l-Amerika Ċentrali li talbu biex numru ta’ nisa ‘jipposponu t-tqala’.
Minn Ottubru ’l hawn kienu rrappurtati talanqas 3,893 każ ta’ microcephaly fil-Brażil, meta qabel, il-medja annwali ta’ dawn il-każi kienet stabbilita mal-160.