Lokali

“Irridu nnaddfu l-politika darba għal dejjem” – Simon Busuttil

L-Oppożizzjoni tippreżenta d-dokument dwar il-governanza tajba lill-imsiebħa soċjali

“Irridu nnaddfu l-politika darba għal dejjem”. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal dan meta kien qed jippreżenta d-dokument dwar il-governanza tajba lill-imsieħba soċjali membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Id-dokument, b’aktar minn mitt proposta, kien ġie mniedi f’Diċembru li għadda, bl-Oppożizzjoni tgħid li kienet se tibda proċess ta’ konsultazzjoni dwaru minn dan ix-xahar.

Waqt il-preżentazzjoni lill-membri tal-MCESD, Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni hija impenjata taħdem biex tiġġieled il-korruzzjoni darba għal dejjem.

Fl-indirizz tiegħu, spjega li l-ħidma biex dan isir għandha jkollha sforz kollettiv u li tinkludi ħidma mill-partiti politiċi, mill-pubbliku u anke mill-imsieħba soċjali.

“Mill-Indipendenza ‘l hawn, pajjiżna għamel passi ta’ ġgant, iżda issa wasal il-mument li l-istituzzjonijiet tagħhna jitpoġġew fuq sisien b’saħħithom biżżejjed li jkunu nodfa u li ma jaqgħux vittmi għall-korruzzjoni” saħaq Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni nnota li d-dokument qed isir f’kuntest fejn il-pubbliku qed isir jaf b’sensiela ta’ skandli li qed jinkixfu u li qed ikomplu jnawwru l-fiduċja fil-politika u l-politiċi Maltin. Fost dawn, hu rrefera għall-iskandlu dwar Gaffarena u r-rapport li ġie ppubblikat riċentament mill-Awditur Ġenerali li kkundanna bil-qawwi lill-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon.

Apparti l-indirizz mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, ingħatat preżentazzjoni teknika mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Djalogu Soċjali Clyde Puli.

Preżenti wkoll kien hemm il-Viċi-Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u Beppe Fenech Adami, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, id-Demokrazija u l-Governanza Tajba Jason Azzopardi u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.