Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta fi stqarrija wieġeb għal allegazzjonijiet dwar direct orders li saru fl-aħħar jiem f’sezzjoni tal-midja, liema allegazzjonijiet saru mingħajr ma ġew iċċekkjati l-fatti.
Minkejja li ntqal li l-kunsill qed jiġi investigat mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali minħabba li ta €194,000 f’direct orders, l-istqarrija tgħid li l-kunsill s’issa għadu ma irċieva l-ebda informazzjoni li għaddejja xi investigazzjoni.
Il-kunsill ippreċiża ukoll fejn qed jintefqu l-flus li ssemmew fir-rapporti. Qal li €100,000 se jmorru għall-pagi tal-impjegati, €75,000 għal proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea (UE) u ammont ieħor għal 70 entità li jipprovdu servizzi fosthom l-ARMS, GO u Transport Malta minbarra l-ħlas tal-kera lid-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern għall-kwartieri tal-kunsill.
Il-kunsill insista li dawn il-ħlasijiet qed isiru skont dak li jippermettu r-regolamenti tal-Public Procurement u kkjarifika li direct orders huma permessi sakemm ikunu skont ir-regolamenti.
Fl-istqarrija ntqal li l-allegazzjonijiet kienu intiżi biex joħolqu dubji u mhux biex toħroġ il-verità.
“Il-Kunsill Lokali tal-Belt se jagħmel minn kollox biex il-fondi pubbliċi jintefqu skont il-parametri tal-liġi u fl-aħjar interess tal-belt kapitali”, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>


