Lokali

Iż-żgħażagħ għandhom ikunu l-awturi ta’ politika ġdida – l-MŻPN

Il-mira ewlenija tal-Eżekuttiv il-ġdid tal-MŻPN se tkun dik li jerġa’ jagħmel il-Partit Nazzjonalista l-għażla naturali taż-żgħażagħ billi jpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Dan kien il-messaġġ tal-Eżekuttiv il-ġdid tal-MŻPN f’għeluq il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret ilbieraħ filgħaxija, bit-tema “Making Change Happen – The Next Step”.

Waqt il-laqgħa, il-President il-ġdid Mark Grech saħaq li jħoss li wasal iż-żmien li ż-żgħażagħ jerġgħu jkunu huma l-awturi ta’ politika ġdida. Għalhekk, l-MŻPN se jkun qed imexxi konsultazzjoni pubblika biex jinbnew proposti miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ.

Il-President il-ġdid qal li l-MŻPN temmen f’politika fejn l-għan taż-żgħażagħ hu li jirnexxu u fejn kulħadd ikollu l-istess opportunitajet, lill hinn mill-politika preżenti ta’ gwadann personali. Hu rringrazzja għall-ħidma tiegħu lil Matthew Agius, li serva bħala President tal-MŻPN tul l-aħħar sentejn u nofs.

Il-Kumitat il-ġdid tal-MŻPN hu mmexxi minn Mark Grech bħala President, Nicky Azzopardi bħala Viċi President u Joseph Grech bħala Segretarju Ġenerali. Aktar minn nofs il-membri tal-Eżekuttiv il-ġdid huma ġodda u kkontestaw għall-ewwel darba. Il-mandat tal-Eżekuttiv il-ġdid se jwassal sal-elezzjoni ġenerali.