Lokali

Joe Mizzi għamel “diżastru” mit-trasport pubbliku – l-eks Kunsilliera Laburista Valerie Borg

Lesta narmi l-vot u mhux nivvota għal Joe Mizzi wara d-diżastru li ħoloq fis-servizz tat-trasport pubbliku. Hekk iddikjarat l-eks Kunsilliera tal-Belt u attivista veterana Laburista Valerie Borg (ritratt) f’ittra ppubblikata fil-ġurnal The Times.

Bit-titlu “A complete disaster” (“Diżastru”), Valerie Borg tikteb li l-Ministru Joe Mizzi ħoloq diżastru fis-sistema tat-trasport pubbliku, filwaqt li tgħid li ma tistax tifhem kif qed jieħu ċerti deċiżjonijiet. Issostni li s-servizz tat-trasport pubbliku hu falliment totali mill-bidu sal-aħħar.

L-attivista Laburista tisfida lill-Ministru Mizzi biex iżur il-Venda tal-Belt biex jara l-kaos li ħoloq hu stess, kif ukoll li jmissu juża’ s-servizz hu stess billi jitla’ ftit fuq tal-linja. Valerie Borg tgħid li probabilment, kif jitla’ jispiċċa wiċċu ‘l isfel għax ix-xufiera jsuqu qabel biss jilħaq isib post fejn ipoġġi.

Biex tissostanzja l-kritika tagħha lejn Joe Mizzi u dak li sejħet bħala “il-falliment komplet li għamel”, l-eks Kunsilliera Laburista telenka wħud mill-iżbalji fis-sistema. Fost oħrajn, tikkritika t-tneħħija tal-karozza tal-linja bin-numru 31 mill-Foss tal-Furjana għall-Isptar Mater Dei, li fi kliemha kienet utli ħafna għall-anzjani li jkollhom bżonn imorru l-Isptar.

Tikkritika wkoll is-servizz għan-nuqqas ta’ organizzazzjoni, b’mod partikolari għal rotot li ttawwlu inutilment. Bħala eżempju, il-karozza tal-linja bin-numru 32, li kienet tmur direttament lejn l-Isptar Mater Dei, issa qed tgħaddi mis-Swieqi. Madankollu, tkompli Borg, ħadd ma jidher li qed jieqaf is-Swieqi u għalhekk, dan it-tul tar-rotta rriżulta biss f’xi ħaġa inutli.

Sadanittant, tikkritika kif numru ta’ xufiera tal-linja mhux qed jieqfu fil-bus stops, minkejja li jkun hemm in-nies jistennew. Tistaqsi jekk hux possibbli li x-xufiera ma jarawx lin-nies jistennew. Kien f’dan il-kuntest li l-eks Kunsilliera Laburista fil-Belt stqarret fil-kitba tagħha li kieku Joe Mizzi jikkontesta fl-ewwel distrett (li jinkludi l-Belt), tippreferi tarmi l-vot milli tivvota lilu.