Internazzjonali

‘L-aħħar ċans’ biex tintemm il-kriżi fil-Moldova

Il-Prim Ministru tal-Moldova, Pavel Filip, iddikjara li l-Gvern tiegħu qed jiffaċċja ‘l-aħħar ċans’ biex jirbaħ lura l-fiduċja tal-poplu, meta l-pajjiż qed jikkumbatti kriżi politika profonda.
Meta tkellem waqt żjara fir-Rumanija, Filip sostna li ‘l-elit jaħti għas-sitwazzjoni’ wara l-mewġa ta’ protesti li heżżew il-Moldova fl-aħħar ġimgħat. Intant, il-Prim Ministru sejjaħ għall-kalma fost id-dimostranti li qegħdin jinsistu għar-riżenja tiegħu.
Pavel Filip sostna li ‘l-klassi politika tal-Moldova, illum, għandha l-aħħar opportunità biex tikseb il-fiduċja mhux biss mingħand il-poplu iżda anki mingħand is-sieħba internazzjonali’.
Dan wara li, fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu għexieren tal-eluf ta’ dimostranti fit-toroq tal-kapitali Chisinau biex jinsistu għal elezzjonijiet bikrija. Id-dimostrazzjonijiet saru jiem wara li ħa l-ġurament il-Gvern ġdid ta’ Filip, li hu t-tielet amministrazzjoni f’sena għall-Moldava.
Sadattant, Filip qal li m’għandu l-ebda intenzjoni li jirriżenja u qed jinsisti li l-Moldova għandha ‘ħtieġa ddisprata’ għal Gvern stabbli biex tevita kriżi ekonomika u soċjali. Fl-istess ħin, il-Prim Ministru tal-Moldova wiegħed li tittieħed azzjoni kontra ‘dawk id-dimostranti li jaqbżu l-linja ħamra u jsiru vjolenti’.