Lokali Saħħa

L-MUMN tgħid li mhux se taċċetta aktar li l-infermiera jiġu msawta

Imħabbra direttivi dwar pazjenti aggressivi

L-aggressjoni fuq l-infermiera għadha problema kbira u jidher li l-proposti li tressqu waqgħu fuq widnejn torox.

Hekk iddikjarat l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fi stqarrija, li fiha fakkret ukoll fid-diversi drabi li ġibdet l-attenzjoni tal-Management tal-Isptar Monte Carmeli biex is-saħħa u s-sigurtà tal-infermiera tiġi salvagwardjata fil-post tax-xogħol. Madankollu l-MUMN sostniet li sal-lum, l-infermiera għadhom isofru minn aggressjoni fiżika u anke psikoloġika.

L-MUMN elenkat żewġ inċidenti li seħħew fil-jiem li għaddew fl-Isptar Monte Carmeli, fosthom dak li seħħ il-Ħamis li għadda waranofsinhar, meta infermiera li kienet qed takkumpanja pazjenta għall-kura mill-Isptar Monte Carmeli għad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, ġiet aggredita fiżikament, tant li kellha tiddaħħal l-Isptar għall-kura.

L-MUMN innutat li l-Uffiċjali tas-Sigurtà fid-Dipartiment tal-Emerġenza ma offrew l-ebda għajnuna, filwaqt li allegat li kif raw lill-pazjenta tagredixxi lill-infermiera, l-Uffiċjali tas-Sigurtà telqu mill-post. Fl-istqarrija, l-union allegat ukoll li l-Pulizija li kienu preżenti fid-Dipartiment damu ħafna biex intervjenew minħabba li l-Amministrazzjoni tal-Korp ma allokatx Pulizija mara fl-Emerġenza.

L-MUMN kompliet tgħid li lanqas is-Security Response Team tal-Isptar Mater Dei ma intervjena minkejja li ġie mgħajjat biex jintervjeni u jagħti l-għajnuna lill-infermiera. Kawża ta’ dan, l-infermiera spiċċat sofriet diversi daqqiet f’partijiet differenti ta’ ġisimha, kif ukoll ħsara psikoloġika, tant li ma tridtx tibqa’ taħdem iżjed fl-Isptar Monte Carmeli.

Sadanittant, l-Union tal-Infermiera rreferiet ukoll għal każ ieħor fl-Isptar Monte Carmeli, li seħħ ilbieraħ u li fih infermiera oħra sfat imswata u aggredita minn pazjenta li kienet qed tiġi rrikoverata fis-sala ‘Female 1′. L-union qalet li dawn l-inċidenti qed ikunu frekwenti, tant li numru ta’ ġimgħat ilu l-MUMN għamlet talba biex jiżdied in-numru ta’ Uffiċjali ta’ Sigurtà privati fl-Isptar minħabba li l-Uffiċjali tas-Sigurtà tal-Gvern f’dawn iċ-ċirkostanzi ma jistgħux jintervjenu.

L-istqarrija kompliet li fid-dawl ta’ dan, l-MUMN għandha obbligu li tħares is-saħħa u s-sigurtà tal-membri tagħha. Għaldaqstant, nediet żewġ direttivi industrijali biex jidħlu fis-seħħ b’effett immedjat: li għall-ebda raġuni ma għandhom jakkumpanjaw pazjenti aggressivi jekk ma jkunux eskortati minn Uffiċjal tas-Sigurtà privat; u li pazjenti aggresivi m’għandhomx jinħarġu mis-‘single room’ li jkunu qed jiġu rrikoverati fiha jekk ma jkunx hemm preżenti żewġ Uffiċjali tas-Sigurtà privati.

L-MUMN sostniet l-appell lill-awtoritajiet konċernati biex jiffaċilitaw il-process ta’ trasferiment lill-infermiera li ġiet aggredita quddiem id-Dipartiment tal-Emerġenza ħalli tiġi trasferita fi Sptar ieħor mill-aktar fis possibbli.