L-Unjoni Ewropea qed tikkunsidra li tressaq sanzjonijiet kontra numru ta’ personalitajiet Libjani talli tellfu l-impenn lejn Gvern tal-għaqda nazzjonali għal-Libja. It-twaqqif ta’ dan il-Gvern jitqies bħala l-ewwel pass lejn il-paċi fil-Libja, li ilha għaddejja minn taqlib mir-rewwixta tal-2011, li ġabet fit-tmiem ir-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi.
Sorsi diplomatiċi qalu li l-Istati tal-UE jekk jiġu approvati s-sanzjonijiet se jkunu jistgħu jiffriżaw l-assi ta’ Nouri Abusahmain, li jmexxi l-Kungress Ġenerali Nazzjonali fi Tripli, filwaqt li timponi miżura ta’ projbizzjoni għall-movimenti tiegħu barra l-Libja. L-istess miżuri jistgħu jitressqu anki fil-konfront ta’ Khalifa al-Ghwell, il-Prim Ministru fil-Gvern ta’ Tripli.
Ftehim politiku dwar is-sanzjonijiet jista’ jittieħed fil-jiem li ġejjin bħala pass effettiv ‘fil-konfront ta’ min itellef it-twaqqif ta’ Gvern għall-għaqda li hi essenzjali għal Libja stabbli’. L-UE tirrikonoxxi wkoll li Gvern Libjan għall-għaqda jservi bħala punt ta’ riferiment dwar kwistjonijiet tas-sigurtà u b’mod speċifiku dwar il-ġlieda kontra l-ISIS.
Skont is-sorsi, Aguila Saleh, li jmexxi l-Parlament ta’ Tobruk u li għandu għarfien internazzjonali, jista’ wkoll jintlaqat minn sanzjonijiet.
Aktar f’IN-NAZZJON ta’ għada