Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne kkonferma fil-Parlament illejla, li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien hemm b’kollox madwar għaxar każi ta’ influwenza tat-tip A, u żewġ pazjenti ddaħħlu fl-Isptar minħabba sintomi respiratorji kawża ta’ virus tal-influwenza.
Għal mistoqsija tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami dwar rapporti u xnigħat dwar virus infettiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, is-Segretarju Parlamentari qal li t-Taqsima tas-Saħħa Pubblika marret fil-Faċilità ta’ Kordin wara li kienet infurmata mill-awtoritajiet fejn ġew eżaminati r-residenti b’sintomi tal-influwenza.
Fisser li rriżulta li kien hemm madwar 10 pazjenti li kellhom influwenza tat-tip A, u li tkun normali bħal dan iż-żmien tas-sena fil-komunità, u ttieħdu l-prekawzjonijiet u ġew iżolati dawk bil-virus biex il-mard ma jinferixx.
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg staqsiet jekk ir-residenti fil-Faċilità Korrrettiva ngħatawx it-tilqima tal-influwenza, u jekk dawk li huma fl-ITU bil-virus humiex każi marbuta mal-influwenza li għaliha kellna t-tilqima, jew kinux riżultat ta’ influwenza oħra.
Beppe Fenech Adami staqsa wkoll jekk kienx hemm intervent mis-Segretarjat dwar pariri li għandhom jiġu segwiti fil-Faċilità u jekk l-istruzzjonijiet kinux segwiti mill-awtoritajiet tal-ħabs.
Filwaqt li spjega li din is-sena l-vaċċin kien offrut lil kull min ried jitlaqqam, inkluż fil-Faċilità Korrettiva, fisser li din t-tilqima mhix obbligatorja. Qal ukoll li t-Taqsima tal-Public Health marret fil-Faċilità u għamlet l-iswabs lill-persuni konċernati, tat il-mediċini lil dawk bis-sintomini u eżaminat u tat mediċini wkoll lil dawk li kienu residenti fl-istess ċella u ttieħdu l-miżuri meħtieġa. Kienu wkoll iżolati dawk li kienu bil-virus.
//= $special ?>