Tħassib dwar ir-realtà li għadha tinżera ż-żerriegħa ta’ mibegħda ta’ poplu lejn poplu ieħor
Il-Parlament waqaf għal minuta silenzju bħala tislima lill-miljuni ta’ vittmi li nqatlu fil-kampijiet ta’ konċentrazzjoni f’Auschwitz 71 sena ilu, bil-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-President tal-Kamra tad-Deputati jappellaw għal ħidma kontinwa biex ma tinżergħiex aktar mibegħda kontra razez u persuni differenti u jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-bniedem irrispettivament mir-razza, poplu kulur jew twemmin.
Il-Ministru għall-Affariijet Barranin George Vella qal li 71 sena wara mil-liberalizzazzjoni tal-kampijiet ta’ konċentrazzjoni f’Holokawst, qed nikkommemoraw il-miljuni ta’ vittmi f’dan il-ġenoċidju, u dawk li rnexxielhom jgħixu wara din it-traġedja li llum qed jonqsu minħabba l-età iżda li wasslu d-dettalji koroh tal-ħajja fil-kampijiet tal-konċentrament.
Il-Ministru Vella qal li llum irridu nirriflettu fuq il-kruha tal-poter assolut u dak li seħħ fil-kampijiet 71 sena ilu, u rridu nkomplu naħdmu biex dawn l-estremitajiet ma jerġgħux iseħħu.
Fisser li madanakollu, fl-aħħar 45 sena saru wkoll massakri u attroċitajiet f’ċertu pajjiżi balma hu fi Rwanda u fil-Lvant Nofsani fejn għadna sal-lum naraw tindif etniku bħall-gwerra li għaddejja fis-Sirja li wasslet għal influss kbir ta’ immigrazzjoni lejn l-Ewropa. Semma wkoll il-popolazzoni ta’ kważi żewġ miljun f’Gaza fejn huma maqfula fit-terroriżmu.
Appella biex inwasslu l-messaġġ li għad hawn pajjiżi fejn fihom qed jitwettqu wkoll attroċitajiet u appella għal riflessjoni biex insaħħu l-messaġġ, l-aktar fl-iskejjel, fuq il-bżonn tar-rispett lejn l-ordni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li huma effettivi u lejn ir-rispett lejn id-drittijiet fundamentalii tal-bniedem.
Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, Kelliem għall-Affarijiet Barranin, ingħaqad mal-messaġġ tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, u tkellem dwar il-preokkkupazzjon li sena wara oħra, l-umanità tibqa’ ma tagħrafx il-messaġġ. Fisser li qed jibqgħu iseħħu l-avvenimenti li joħorġu mill-egoiżmu tal-bniedem. Appella li d-drittijiet tal-bniedem huma għal kulħadd irrispettivament minn dak kollu li jagħmel differenti persuna minn oħra.
Filwaqt li huma ħafna li jaħsbu li avveniment ta’ ħruxija kbira kienu ta’ darba u ma jirrepetux ruħhom, id-Deputat Nazzjonalista spjega li r-realtà wriet li l-ħruxija fuq diversi popli għadha sseħħ illum hekk kif ilha tinżera ż-żerriegħa ta’ mibegħda ta’ poplu lejn poplu ieħor.
Appella biex ma terġax tikber il-mibegħda ta’ sentiment biex ċertu nies ta’ kulur u razez ma jiġux aċċettati. Hu żball li naħsbu li dak li seħħ 71 sena ilu ma jistax jirrepeti ruħu, u semma fost l-oħrajn il-ġenoċidji fil-Kambodja u f’pajjiżi oħrajn fejn illum għadhom qed jinqerdu popli, razez u kulturi.
Appella wkoll biex l-avveniment tal-lum ma jkunx biss sentiment tal-passat li rridu nibqgħu nfakkru lill-umanità, iżda biex dan jixprunana biex inwettqu l-bidla u biex inħarsu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li ma jistgħux jibqgħu biss fuq il-karta meta l-użu tal-media soċjali qed tintuża minn għaqdiet u persuni b’sentimenti razzisti li qed jiżirgħu din il-mibegħda.
Tonio Fenech qal li hi responsabbiltà tal-politiċi li dan il-fenomenu jiġi miġġieled biex ma jitkissrux aktar id-drittijiet tal-bniedem li għandu jgħix fil-paċi u fir-rispett. Il-problemi politiċi kbar u l-kunflitti fid-dinja jeħtieġu soluzzjonijiet b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ngħaqdet mal-ħsibijiet espressi fil-Parlament f’din il-kommemorazzjoni filwaqt li esprima t-tħassib quddiem ir-realtà li d-dinja għadha tassisti għal terroriżmu u l-ġenoċidju li għaddej mill-Isis, u kif qed jikber is-sentimiżmu antisemitiku.
//= $special ?>