BirdLife Malta qalet li din ix-xitwa s’issa kien hemm rekord ta’ għasafar zizka li użaw is-siġar fil-Belt Valletta biex straħu u raqdu fuq friegħi tagħhom.
BirdLife qalet li rreġistrat 10,786 zakak abjad li din ix-xitwa użaw dawn is-siġar li għall-ewwel darba tħallew iktar folti biex l-għasafar isibu kenn filgħaxija. BirdLife Malta qalet li dan sar wara kollaborazzjoni bejnha u s-sindku tal-Belt flimkien ma’ arborista li ta pariri dwar iż-żbir tas-siġar.
Hu u jilqa’ ċertifikat simboliku minn BirdLife Malta, b’turija ta’ apprezzament u ringrazzjament lill-Kunsill Lokali għaż-żamma tas-siġar fi stat tajjeb għall-għasafar, is-sindku tal-Belt, il-Prof. Alexiei Dingli, qal li l-Belt Valletta għandha għal xhiex tkun kburija li qed tilqa’ fiha tant għasafar.
Qal li l-Kunsill Lokali għażel li jagħmel dawn il-bidliet żgħar fir-rutina biex jgħin lill-għasafar waqt li qal li l-Kunsill Lokali jifhem l-importanza tas-siġar f’inħawi urbani u ħeġġeġ kunsilli oħra biex jagħmlu l-istess.
Il-Belt Valletta hi l-iktar post imfittxija minn dan it-tip t’għasfur biex jorqod waqt li jkun qed ipassi minn fuq il-gżejjer Maltin. BirdLife qalet li fl-iljieli kesħin, dawn l-għasafar isibu rdoss qalb il-weraq tas-siġar tal-fikus f’Misraħ l-Assedju u f’Misraħ San Ġwann.
L-għaqda spjegat li ilha mill-1986, kull sena, tgħodd l-ammont ta’ zizka li jidħlu jorqdu l-Belt. Din is-sena, iċ-ċensiment sar nhar is-Sibt li għadda u fih ħadu sehem iktar minn 20 voluntier b’esperjenza. Dan il-monitoraġġ kien bdieh Denis Cachia li sal-lum għadu jorganizza l-avveniment kull sena. Fl-ewwel snin kienu jiġu osservati madwar 4,500 għasfur, bl-inqas ikun fl-1992 b’total ta’ 2,002.
BirdLife spjegat li maż-żmien in-numru totali ta’ għasafar beda jiżdied, tant li laħħaq 7,000 fl-2009 iżda mbagħad is-siġar inżabru b’mod goff ħafna tant li xi wħud tħallew biss b’zokk. Kien hawn li sal-2011 in-numru ta’ għasafar niżel għal 3,255. L-għaqda qalet li b’sistema ta’ żbir iktar sensittiva, is-siġar reġgħu kabbru biżżejjed weraq u reġgħu bdew jilqgħu iktar għasafar.
//= $special ?>

