Il-Ministru tal-Ġustizzja ta’ Franza, Christiane Taubira, irriżenjat mill-kariga.Dan seħħ bi protesta għall-passi li qed jieħu l-Gvern biex jgħaddi miżura li għandha tneħħi ċ-ċittadinanza ta’ terroristi kkundannati mwielda fi Franza u f’każ li huma jkollhom tieni nazzjonalità.
Taubira hi personalità popolari fost is-Soċjalisti fil-Gvern, iżda saret ukoll mira għall-estremisti tal-lemin. Intant, hi bagħtet messaġġ fuq Twitter fejn qalet li ‘kultant, il-preżenza ta’ bniedem tista’ titqies bħala sinjal ta’ reżistenza, l-istess bħal sitwazzjoni fejn xi ħadd jiddeċiedi li jitlaq’.
Sadanittant, il-President Franċiż Francois Hollande ħatar lil Jean-Jacques Urvoas, il-President tal-Kummissjoni għal-Liġijiet tal-Parlament, bħala s-suċċessur ta’ Taubira.
Din tinkwadra f’sensiela ta’ miżuri biex ikattru s-sigurtà meta mijiet ta’ ċittadini Franċiżi – ħafna minnhom b’nazzjonalità dooppja – qed jitilqu minn Franza biex jiġġieldu fuq in-naħa tal-ISIS fl-Iraq u s-Sirja. Fil-fatt, it-terroristi li wettqu l-kaos u d-dmija ta’ Novembru fi Franza kellhom esperjenza tal-jihad ( gwerra qaddisa) f’dawk il-pajjiżi.
Tirriżenja minn Ministru għall-Ġustizzja
