Il-produzzjoni tal-vettura Land Rover Defender, mibnija għal ‘kull okkażjoni’, għandha tieqaf għal kollox min-nhar il-Ġimgħa, id-29 ta’ Jannar.
Din il-karozza klassika off-road – illum magħrufa bis-sempliċi isem Defender, kienet ila s-snin esportata madwar id-dinja, tirrappreżenta l-kontinwazzjoni tal-ewwel Land Rover, ibbażat fuq il-jeeps ta’ żmien it-Tieni Gwerra, u li kien feġġ fix-xena għall-ewwel darba fl-1948.
Il-Land Rover Defender saret popolari u distinta bħala l-għażla tal-Familja Rjali Britannika – b’mod partikolari tar-Reġina Eliżabetta u żewġha d-Duka ta’ Edinburgh li rikbu fiha diversi drabi waqt tours barra r-Renju Unit.
Fil-fatt, ir-Reġina ilha mis-snin ħamsin tivvjaġġa b’Land Rover jew issuq xi mudell partikolari. L-istess vettura kienet popolari wkoll mal-produtturi tal-films ‘on location’ kif ukoll mal-managers tat-tims tal-futbol li użawha waqt il-parati b’xi trofew prestiġjuż.
Hemm anki okkażjonijiet memorabbli fejn membri oħrajn tal-Familja Rjali Britannika dehru b’Land Rover – b’mod partikolari meta l-Prinċep Charles u Diana, il-mibkija Prinċipessa ta’ Wales, ivvjaġġaw b’waħda minnhom fuq bajja ( huma u jxejjru lin-nies), waqt żjara li kienu qed jagħmlu fl-Awstralja, fl-1988.
Għaxar snin wara, il-Prinċep Harry, iben Diana, deher f’ritratt liebes bi stil militari waqt li kien qed isuq Land Rover fid-direzzjoi ta’ Highgrove House, fi Gloucestershire, biex jattendi festin għal għeluq il-50 sena ta’ missieru.
Ħafna dilettanti tal-vetturi huma mnikkta li l-produzzjoni tad-Defender waslet fi tmiemha wara snin ta’ servizz mill-aqwa. Huma kkummentaw li dan hu ‘t-tmiem ta’ kapitlu’ minbarra li ‘t-telfa ta’ mudell klassiku u ikonu mill-aktar rikonoxxibbli wara 68 sena.’
Il-Land Rover Defender intużat għall-film ‘Skyfall’, tat-tema James Bond; għall-film ‘Lara Croft: Tomb Raider’ ta’ Angelina Jolie u l-film ‘Edge of Tomorrow’ ta’ Tom Cruise – minbarra produzzjonijiet oħra għaċ-ċinema u t-televiżjoni.
Iżda l-Land Rover klassiku spikka waqt sitwazzjonijiet ferm aktar serji, fosthom il-patrols tas-suldati Britanniċi fit-toroq ta’ Belfast, fl-Irlanda ta’ Fuq, waqt l-eqqel tal-inkwiet – imlaqqam The Troubles – mal-Armata Repubblikana Irlandiża (IRA).
Aktar ‘il quddiem, id-Defender kellha tintuża mill-militar Britanniku waqt il-konflitti fl-Iraq u l-Afganistan. Dan minħabba l-versatilità tal-vettura qalb deżert u zoni oħrajn iddominati minn medda ramel ‘interminabbli’.
L-aħħar Land Rover Defender se jkun prodott (nhar il-Ġimgħa) minn Jaguar Land Rover (JLR) f’Solihull, fil-West Midlands, fir-Renju Unit. Il-JLR, sadanittant, qed jaħdem fuq ‘sostitut’ għal-Land Rover Defender iżda Jim Holder, id-direttur editorjali tal-ġurnali Autocar u What Car? qal li l-produtturi jridu jiffaċċjaw ‘sfida enormi’ biex jilħqu l-livell tal-oriġinali
//= $special ?>