Lokali

Żewġ priġunieri fl-ITU kawża ta’ infezzjoni qawwija f’sidirhom

Id-Dipartiment tas-Saħħa jintervjeni mal-Awtoritajiet tal-Ħabs biex is-sitwazzjoni tirritorna taħt kontroll

Żewġ priġunieri minn Diviżjoni Tlieta fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bħalissa jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei wara infezzjoni kbira li ħadu mill-Ħabs. Wieħed minn dawn il-priġunieri jidher li saħansitra jinsab f’koma.

Sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li l-ewwel każ żviluppa s-Sibt li għadda meta wieħed mill-priġunieri f’Diviżjoni Tlieta kien marid serjament, bit-Tobba tal-Ħabs jirrakkomandaw li jittieħed minnufih l-Isptar Mater Dei biex jirċievi l-kura li kellu bżonn.

Is-sorsi qalu li 48 siegħa wara, f’Diviżjoni Tlieta wkoll, feġġ każ ieħor simili ta’ infezzjoni qawwija fis-sider, bit-Tobba jerġgħu jirrakkomandaw li dan il-priġunier ukoll jittieħed minnufih l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Jidher li fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ każi simili ta’ infezzjoni qawwija, id-Dipartiment tas-Saħħa għamel kuntatti mal-Awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jindirizza minnufih din is-sitwazzjoni ħalli din l-epidemija f’Diviżjoni Tlieta ma tibqax tinfirex fost aktar priġunieri.

Is-sorsi li tkellmu magħna fissru li l-probabbiltà l-kbira hi li din l-epidemija żviluppat kawża ta’ influwenza u irjieħat fost il-priġunieri, bir-riżultat li l-mikrobu nxtered fosthom. Is-sorsi qalu li ż-żewġ priġunieri bħalissa qegħdin il-Ħabs wara każi relatati mal-abbuż tad-droga u dan jagħmel lill-priġunieri aktar fraġli biex jirreżistu ċerti tipi ta’ mikrobi.

Fil-preżent, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm madwar 600 priġunier, li madwar 250 minnhom huma barranin. Nifhmu li l-awtoritajiet qed jagħmlu sforz biex jintlaħaq ftehim ma’ gvernijiet barranin, kif ukoll bis-saħħa ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, ħalli dawn il-priġunieri jiskontaw is-sentenza f’pajjizhom sakemm ma jkunx hemm kawżi pendenti kontrihom jew ikun għad iridu jixhdu f’xi każ.

Fil-jiem li għaddew, it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għaddiet f’idejn l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Pawlu Debattista, li hu d-Direttur il-ġdid tal-Faċilità.