Lokali

Aġġornata: Imut wieħed mill-priġunieri li ddaħħal l-ITU b’infezzjoni qawwija, il-PN jitlob spjegazzjoni

Dan il-lejl wieħed mill-priġunieri li kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei minħabba infezzjoni qawwija f’sidru, miet minkejja t-trattament mediku li kien qiegħed jingħata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Dan il-priġunier kien iddaħħal l-Isptar wara li kien marid serjament f’Diviżjoni Tlieta tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u t-tobba tal-Isptar kienu qablu li aħjar li jintbagħat l-Isptar għall-kura.

Fl-Isptar instab li dan il-priġunier kien qiegħed isofri minn infezzjoni qawwija – chest infection – u għalhekk tpoġġa fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Sfortuntament dan il-priġunier miet fis-sigħat li għaddew.

Sadattant fit-Taqsima Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei għadu qed jingħata l-kura priġunier ieħor li wkoll iddaħħal fl-Isptar minħabba infezzjoni qawwija.

Dawn huma żewġ każi simili ħafna u għalhekk id-Dipartiment tas-Saħħa jinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet tal-Ħabs biex din is-sitwazzjoni tkun kontrollata.

Il-mewt tal-priġunier kienet ikkonfermata tard dalgħodu, fi stqarrija tal-Gvern. Sadanittant, fis-sigħat li ġejjin mistennija ssir l-awtopsja fuq il-katavru tal-priġunier.

Il-Gvern għandu jispjega x’inhi s-sitwazzjoni vera fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – il-PN
Fi stqarrija, f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami u x-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista insista li l-Ministru Carmelo Abela jieqaf jaħbi s-sitwazzjoni vera fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u jinforma lill-poplu b’mod immedjat dwar rapporti ta’ influwenza jew mard ieħor infettiv mifruxa fost il-priġunieri.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hu ċar li lbieraħ, il-Ministru Abela ipprova jqarraq bil-media u bil-poplu meta qal li mhux veru kien hemm żewġ priġunieri fl-ITU. Dan minkejja li fil-fatt, kien jaf li kien hemm żewġ priġunieri fl-ITU jsofru minn influwenza jew mard ieħor. Kien biss wara li l-Oppożizzjoni għamlet il-mistoqsijiet fil-Parlament, li s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne kien kostrett inissel l-ewwel kliem dwar din is-sitwazzjoni inkwetanti.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista biex, b’mod immedjat u fl-interess pubbliku, il-Gvern jgħid eżatt x’inhi s-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Is-skiet tal-Gvern hu inkwetanti ħafna għall-priġunieri u għall-qraba tagħhom, kif ukoll għall-Gwardjani u l-impjegati tal-Faċilità Korrettiva, temmet tgħid l-istqarrija.