Therese Comodini Cachia maħtura Rapporteur dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabiltà f’isem il-Grupp tal-PPE
“Għad hemm triq twila x’nimxu biex is-soċjetà tneħħi l-ostakli imposti fuq persuni b’diżabbiltà. Anke aħna, bħala politiċi, xi drabi nużaw lingwaġġ li jiffoka fuq il-vulnerabbiltà tan-nies aktar milli l-potenzjal tagħhom. Għandna t-tendenza li nenfasizzaw l-iżvantaġġi li aħna nipperċepixxu li jkollhom in-nies aktar milli fuq dak li jistgħu jwettqu. Dan se jkompli jfixkel l-għoti ta’ setgħa tant meħtieġa lejn għajxien indipendenti, li twassal għal integrazzjoni soċjali”.
Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia għamlet dawn ir-rimarki waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-Parlament Ewropew fi Brussell bħala parti mir-rwol il-ġdid tagħha fil-Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT). Fil-Kumitat, hi nħatret mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew bħala ‘Shadow Rapporteur’ dwar l-“Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà b’attenzjoni speċjali għall-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà (CPRD)”.
Comodini Cachia argumentat li filwaqt li l-kunċett ta’ edukazzjoni inklussiva kien ġie inkorporat f’diversi Stati Membri, hemm il-bżonn ta’ reviżjoni biex wieħed jara jekk dan jirriflettix inklussjoni vera jew sempliċiment akkomodazzjoni raġjonevoli. “Persuni b’diżabbiltà jagħtu kontribut importanti għas-soċjetà u din il-kontribuzzjoni tista’ tkun saħansitra akbar jekk l-inklussjoni tkun ġenwina u effettiva”.
Fid-dawl ta’ ċentru għall-persuni b’diżabbiltà li kien propost mill-Gvern Malti, u li ġie kkritikat mis-soċjetà ċivili, l-MEP Maltija enfasizzat li dan l-inċident juri b’mod ċar l-importanza li ssir distinzjoni bejn akkomodazzjoni raġjonevoli u l-inklussjoni vera. Qalet li t-tħassib ewlieni tiegħi hu li l-miżuri li l-Unjoni Ewropea qed tiffinanzja u miżuri li l-Istati Membri qed jimplimentaw huma miżuri li jkomplu jenfasizzaw l-iżvantaġġi aktar milli l-potenzjal tal-persuni b’diżabbiltà. B’hekk, jitfixkel id-dritt tagħhom għal għajxien indipendenti u anke l-aċċess għal parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà.
Comodini Cachia, li hi Ambaxxatur tal-kampanja eSkills u li bħalissa qed taħdem dwar kif aspetti tar-robotika jistgħu iservu biex jindirizzaw sfidi fil-ħajja ta’ kuljum, qalet li hu possibilment il-ħin adegwat li wieħed jara kif it-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali tista’ ġġib magħha aktar inklussività u aktar indipendenza.
//= $special ?>