Il-Bord tal-MEPA approva l-permess tal-estensjoni u l-immodernizzar tal-mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Il-biċċa l-kbira tax-xogħolijiet jinkludu r-rijabilitazzjoni tal-ispazju mhux utilizzat fis-sotterran, sala ġdida tal-arazzi, ċentru ta’ Caravaggio, kif ukoll dħul u ħruġ minn Triq il-Merkanti separat mill-Kon-Katidral.
Stqarrija tal-MEPA qalet li r-restawr tas-sotterran se jagħti lill-mużew l-ispazju meħtieġ li jesibixxi iktar biċċiet. Barraminhekk, meta jitlesta l-proġett, is-sotterran se jagħti aċċess għall-kripta li sa issa mhux aċċessibbli.
Is-sala tal-arazzi se tkun 515-il metru kwadru li se takkomoda l-kollezzjoni sħiħa ta’ 29 biċċa li hi l-ikbar waħda fid-dinja u hi unika fix-xorta tagħha. L-uniku estensjoni fil-bini se tkun foyer ġdida fi Triq il-Merkanti. Din id-daħla l-ġdida mistenni ttaffi l-pressjoni fuq id-daħla prinċipali tal-Katidral u se tgħin biex il-mużew ikollu ħinijiet tal-ftuħ li ma jiddependux fuq il-ħin tal-ftuħ tal-Katidral.
Mifrux fuq 3 sulari, iċ-Ċentru Caravaggio se joffri esperjenza edukattiva u kulturali unika. Il-proġett kien approvat ukoll mill-UNESCO wara rapport dettaljat tal-esperti tekniċi tal-ICOMOS li jaħdem favur il-konservazzjoni tal-monumenti u siti storiċi madwar id-dinja.
//= $special ?>

