Edukazzjoni

Għaqdiet tal-istudenti jilqgħu l-ftehim bejn il-Gvern u l-Università dwar l-istudenti tal-mediċina

L-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina (MMSA) u l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bil-ftehim milħuq bejn l-Università ta’ Malta u l-Gvern.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet tal-istudenti qalu li l-ftehim milħuq jissalvagwardja riżorsi tal-Iskola Medika Maltija fl-Isptar Mater Dei u f’istituzzjonijiet oħra tas-saħħa li huma tal-Gvern. Spjegaw però li fadal ħafna iktar xi jsir biex l-introduzzjoni tat-tieni skola medika f’Malta tkun waħda mingħajr skossi u ma taffettwax il-kwalità tat-tagħlim u taħriġ mogħti permezz tal-Università ta’ Malta.

Qalu li l-iskola ġdida permezz ta’ Barts se tippreżenta ħafna sfidi ġodda lill-Iskola Medika Maltija fi ħdan l-Università ta’ Malta fosthom żieda fl-istudenti tal-mediċina fis-swali fl-isptarijiet u l-possibilità li għalliema tal-Università ta’ Malta jmorru jgħallmu fl-iskola l-ġdida.

L-għaqdiet tal-istudenti qalu li sar kull sforz biex il-ftehim milħuq ma jillimitax titjib futur fl-Iskola Medika Maltija waqt li rringrazzjaw lid-Dekan u lid-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Mediċina u lir-Rettur tal-Università ta’ Malta li żammewhom infurmati bl-iżviluppi.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet qalu li se jibqgħu jinsistu fuq il-kwalità tal-edukazzjoni medika u biex ir-riżorsi tal-Università ta’ Malta ma jitnaqqrux biex din tibqa’ titjieb f’kull livell. Ikkwotaw email tas-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa, Chris Fearne, fejn ta numru ta’ assigurazzjonijiet li minnhom tgawdi wkoll l-Iskola Medika Maltija.

Intant l-assoċjazzjoni tal-ħaddiema akkademiċi tal-Università ta’ Malta, l-UMASA, qalet li ma ngħatatx dettalji dwar il-ftehim iffirmat u ma tafx kif dan jew ftehim ieħor jista’ jaffettwa lill-membri tagħha. L-assoċjazzjoni qalet li ngħatat l-assikurazzjoni mill-Università li dan ma jaffettwax il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-dmirijiet u r-responsabiltajiet tagħhom waqt li rriservat id-dritt li jekk imur kontra l-Ftehim Kollettiv tal-membri, se tieħu l-azzjonijiet neċessarji biex tħares id-drittijiet tal-membri tagħha.