Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kap tar-Rappreżentanza tal-KE f’Malta tiltaqa’ mal-Kap tal-PN

Jiem biss wara li bdiet il-ħidma tagħha bħala l-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Elena Grech għamlet żjara ta’ korteżija lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon fid-Dar Ċentrali. Fost l-oħrajn, kienet diskussa l-investigazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel b’rabta mal-ftehim tal-bini tal-Power Station ġdida f’pajjiżna, li suppost tlestiet sena ilu.

Simon Busuttil qal li għall-Partit Nazzjonalista hu kruċjali li din l-investigazzjoni tingħalaq mill-aktar fis possibbli għax inutli tingħalaq wara li l-Power Station titlesta u l-poplu Malti jintrabat bi ftehim għal 18-il sena.

Fid-dawl ta’ dan, Elena Grech irreferiet għall-importanza li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jmorru għand l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom, inkluż f’din il-kwistjoni, fejn possibilment il-poplu se jintrabat li jħallas prezz ogħla għall-fuels.

Matul il-karriera tagħha, Grech kienet Head of Unit tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana fil-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll mexxiet tim responsabbli mill-immaniġġjar u mill-implimentazzjoni tal-fondi strutturali fir-Repubblika Ċeka.

Mexxiet ukoll tim li kellu r-responsabbiltà tas-sorveljanza tal-ipprogrammar tal-fondi strutturali ta’ numru ta’ pajjiżi kandidati għas-sħubija tal-Unjoni Ewropea, fosthom it-Turkija, il-Maċedonja u l-Montenegro.

Malli bdiet taħdem fil-Kummissjoni Ewropea fl-2007, Elena Grech serviet bħala Uffiċjal Legali tad-Dipartiment tas-Suq Intern tal-Kummissjoni, wara 11-il sena ta’ ħidma fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Elena Grech wettqet ukoll ħidma fl-Ambaxxata Maltija f’Bonn, kif ukoll fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea bejn l-1997 u l-2004.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat ukoll mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Roberta Metsola u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Tonio Fenech.