Il-korruzzjoni li fniet il-Gvern ta’ Muscat ħierġa minn Kastilja u għalhekk, il-Pulizija għandha tinvestiga direttament Kastilja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-kwartieri tal-Pulizija, il-Viċi Kap tal-PN u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami fakkar li meta faqqa’ l-iskandlu ta’ Gaffarena disa’ xhur ilu, fit-taqsima tar-Reati Ekonomiċi li suppost beda jinvestiga mill-ewwel, kien hemm l-aħwa Zammit, ulied l-eks Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit li ġie żvelat li għandhom negozju mal-istess Gaffarena.
Beppe Fenech Adami kompla li min-naħa tiegħu, Gaffarena ftiehem l-iskandlu ta’ Gaffarena mill-bidu sal-aħħar f’Kastilja u għalhekk jidher ċar li Gaffarena kellu qarnita mhux biss fid-Dipartiment tal-Lands, iżda anke f’Kastilja u fil-Korp tal-Pulizija. Dawn l-affarijiet stil mafjuż ma jiġrux f’pajjiż normali, tenna l-Viċi Kap tal-PN.
Flok investigat l-allegazzjonijiet – illum konfermati – il-Pulizija għalqet għajnejha u ħalliet għal 9 xhur sħaħ, li tinqered kull traċċa li setgħet twassal għal prova ta’ korruzzjoni.
Beppe Fenech Adami kompla li l-ordni li ta Muscat lill-Pulizija biex imorru fil-Bini tad-Dipartiment tal-Artijiet il-ġimgħa li għaddiet kienet biss reċta, għaliex il-provi li seta’ kien hemm, setgħu faċilment ġew meqruda matul dawn l-aħħar xhur. “Il-Pulizija mhux lill-Lands għandhom jinvestigaw iżda Kastilja, minn fejn verament ħierġa l-korruzzjoni.”
Agħar minn hekk, il-PM ordna lill-Pulizija biex jinvestigaw lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tal-Artijiet, bħal li kieku l-ħaddiema huma kollha korrotti. Il-vera investigazzjoni għandha ssir fl-uffiċċini ta’ Kastilja fejn inħema u ġie ppjanat l-iksandlu ma’ Gaffarena.
Il-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Justin Schembri qal li l-poplu Malti u Għawdxi qed jagħraf li l-Gvern jinsab maqbud f’xibka ta’ korruzzjoni fejn ma’ kull ġurnata li tgħaddi, il-media tiżvela skandlu ġdid. In-nies huma rrabjati u ddiżgustati b’dak li qed jiġri, tenna Justin Schembri
Hu rrefera għall-wegħdiet li qed jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-dokument “Nibnu fiduċja fil-Politika” mniedi ftit tal-ġimgħat ilu li qed iwieġeb għall-għatx tan-nies għal politika nadifa u għaldaqstant il-poplu Malti u Għawdxi qed jirreaġixxi b’mod pożittiv għal dawn il-proposti u qed jara fil-PN Gvern alternattiv.
//= $special ?>

