Lokali Parlament

Inawgurat xahrejn ilu iżda għadu bla permess

Gimmick oħra mill-Gvern bl-inawgurazzjoni tal-Waste Transfer Station tal-Kus li għadu ma jistax jitħaddem

Il-Waste Transfer Station tal-Kus, fix-Xewkija f’Għawdex, li tant kien inawgurat b’pompa mill-Gvern Laburista, xahrejn wara għadu mhux biss ma jintużax u bl-iskart kollu għadu jittieħed il-Qortin fix-Xagħra, iżda għadu bla permess.

Fil-Parlament, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, ikkonferma li l-Wasteserv għadha qed tistenna l-permess jinħareġ biex jibda jitħaddem il-Waste Transfer Station tal-Kus, fix-Xewkija.

Il-mod kif il-Gvern xahrejn ilu, u b’ħafna pompi minn numru ta’ Ministri fosthom Leo Brincat u Anton Refalo, inganna lill-poplu Għawdxi dwar il-ftuħ ta’ dan l-impjant fix-Xewkija, tqajjem fil-Parlament mix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said.

F’mistoqisja parlamentari, ix-Shadow Minister Chris Said staqsa lill-Ministru Leo Brincat jgħid għaliex wara li ġie inawgurat il-Waste Transfer Station tal-Kus fix-Xewkija, xorta waħda hemm skart li għadu qed jittieħed fil-Qortin fix-Xagħra. Staqsa wkoll meta hu ppjanat li t-teħid tal-iskart lejn il-Qortin jitwaqqaf għal kollox, u biex jispjega wkoll x’qed jiġri mill-iskart kollu li qed jidħol ix-Xagħra u li qed jiddaħħal fil-Waste Transfer Station tal-Kus fix-Xewkija.

Jirriżulta li wara li għaddew xahrejn, u minkejja li dan ġie inawgurat, għadu ma bediex jintuża u l-iskart kollu għadu qed jittieħed il-Qortin, ix-Xagħra, u minn hemm jiġi meħud Malta.

Fit-tweġiba li ta bil-miktub, il-Ministru Leo Brincat ikkonferma li l-Wasteserv qed tistenna l-permess jinħareġ. Spjega wkoll li dan qed isir wara proċess estensiv ta’ diskussjonijiet mal-MEPA, sabiex jiġi assigurat li kollox ikun skont il-permessi.

Ikkonferma wkoll li l-iskart għadu qed jittieħed fil-Qortin fix-Xagħra. Il-pjan hu li appena jinħareġ il-permess, il-kumpanija Wasteserv tibda tilqa’ l-iskart f’dan l-impjant. Skont il-Ministru Leo Brincat, dan se jsir ftit ftit, sakemm wieħed jassigura li kollox qiegħed jaħdem kif suppost.

Issa li hu konfermat li wara xahrejn dan l-impjant għadu mingħajr il-permessi meħtieġa mill-MEPA, waħedhom iqumu l-mistoqsijiet għaliex dan l-impjant kien inawgurat meta kien għadu mhux lest u bla permess, u jekk l-inawgurazzjoni uffiċjali kinitx gimmick biex ma jintilfux fondi Ewropej u biex il-Gvern juri li l-proġett lest fil-ħin meta fil-fatt ma tlestiex fil-ħin.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex kien irrimarka fil-Parlament wara li kien inawgurat is-sena li għaddiet, dwar it-tħassib għall-fatt li l-Oppożizzjoni ma kinitx mistiedna mill-Gvern għaċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment f’Għawdex.

Fl-istess impjant f’Għawdex, fil-bidu ta’ Diċembru kienet saret ukoll open day, f’liema attività ma ntqalx lill-pubbliku li dan l-impjant lanqas biss kellu l-permessi biex jibda jitħaddem, liema permess lanqas inkiseb illum wara kważi xahrejn.