Il-kumpannija tal-vjaġġi Thomas Cook iddeċidiet li tħassar il-bookings kollha mir-Renju Unit għat-Tuneżija sa Novembru li ġej. Dan b’riżultat tal-mewġa ta’ protesti vjolenti madwar il-pajjiż Għarbi li ilu s-snin magħruf bħala destinazzjoni turistika.
Il-Foreign Office ta’ Londra wissa biex il-Britanniċi ma jmorrux it-Tuneżija ‘ħlief għal impenji essenzjali’, minħabba li l-pajjiż Għarbi għaddej mill-agħar inkwiet soċjali miż-żmenijiet tar-rewwixta storika ( fi ħdanu) tal-2011.
Stqarrija minn Thomas Cook qalet li m’hemm l-ebda indikazzjoni meta s-sitwazzjoni u t-twissija jistgħu jinbidlu. Kelliema għall-kumpannija qalu li ‘japprezzaw li din hi sitwazzjoni frustranti għall-klijenti li kienu qed jittamaw li jqattgħu btajjel fit-Tuneżija, iżda s-sigurtà tan-nies li jivvjaġġaw (ma’ Thomas Cook) tibqa’ l-priorità assoluta tal-entità’.
Il-miżura tgħodd ukoll għal uħud mis-swieq barranin ta’ dan l-operatur tal-vjaġġi, għalkemm baqgħu għaddejjin it-titjiriet lejn it-Tuneżija minn Franza, l-Awstrija u l-Ġermanja. Il-klijenti Britanniċi li bbukkjaw il-vjaġġi jkunu jistgħu jħassru jew ‘jemendu’ l-vaganza b’li jagħżlu destinazzjonijiet oħrajn.
Mijiet ta’ pulizija, jiem ilu, organizzaw protesta barra l-Palazz Presidenzjali tat-Tuneżija biex jinsistu għal żieda fil-pagi. Dan kien l-aħħar sinjal tal-problemi ekonomiċi u soċjali li qed jifnu lil dan il-pajjiż.
Minbarra t-taqlib politiku tal-aħħar ħames snin li xekkel bil-kbir l-ekonomija tat-Tuneżija, il-pajjiż qed jiffaċċja wkoll theddida minn militanti li jridu jmexxu jihad (gwerra qaddisa Iżlamika) u li diġà wettqu vjolenza li affettwat ħażin ħafna lit-turiżmu lejn it-Tuneżija.
//= $special ?>