L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ppreżentat lill-ġurnalisti Maltin ir-rapport li ħejjiet flimkien mal-ewroparlamentari Taljana Kashetu Kyenge dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-bżonn għal azzjoni ħolistika mill-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni.
Ir-rapport jidħol fid-dettall ta’ kull aspett tal-immigrazzjoni u jidentifika kif għandha l-UE tirrispondi għall-influss tal-immigranti. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern.
Metsola qed tipproponi li l-Frontex tinbidel għal sistema ta’ gwardja tal-kosta u tal-fruntieri Ewropej li timmaniġġja l-immigrazzjoni b’mod effettiv u tassigura livell għoli ta’ sigurtà interna, inkluż fi bliet Ewropej. Din torbot ukoll mat-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri biex Schengen taħdem kif suppost.
Fir-rapport, Metsola tqis li mhux kull min jasal fl-Ewropa hu eliġibbli għall-protezzjoni umanitarja, u dawk li mhux eliġibbli għandhom ikunu jistgħu jirritornaw f’pajjiżhom, jew minn fejn ikunu telqu, b’mod sigur. Sostniet li fl-2014 36% biss ta’ dawk li kienu ordnati jitilqu mill-UE fil-fatt telqu.
Semmiet il-ħtieġa wkoll ta’ integrazzjoni, li l-persuni li jingħataw protezzjoni umanitarja jingħataw id-drittijiet li huma intitolati għalihom, u biex isir sforz biex familji jkunu magħquda. Fl-istess ħin, irid isir sforz ukoll biex il-valuri fi ħdan l-UE jiġi rispettati.
Ir-rapport jinsisti fuq il-qsim tal-piż fi ħdan l-UE u biex kull pajjiż membru jagħti sehemu. Jitratta wkoll l-għeruq tal-problema tal-immigrazzjoni u jsemmi l-ħtieġa ta’ impenn ikbar biex jiġu indirizzati problemi bħall-gwerer, faqar, korruzzjoni, ġuħ u nuqqas ta’ opportunitajiet f’pajjiżi li minnhom iċ-ċittadini jħossu li m’għandhom ebda alternattiva ħlief li jaħarbu lejn l-Ewropa.
Isejjaħ ukoll lill-UE biex tgħin lil pajjiżi terzi biex joħolqu sistemi tajbin ta’ ażil biex ċittadini minn pajjiżi oħra jfittxu l-protezzjoni umanitarja hemm.
Ir-rapport isejjaħ ukoll għall-UE u għat-Turkija biex iżommu mal-impenji li ħadu b’rabta mal-influss tal-immigrazzjoni u jħeġġeġ iktar trasparenza fejn jidħol l-iffinanzjar tal-fond ta’ €1.8 biljun.
Fl-aħħarnett, l-istati membri u l-UE qed jiġu mitluba jidentifikaw dawk is-setturi fis-suq Ewropew li jistgħu jimtlew minn persuni minn barra l-UE.
//= $special ?>