Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu Gaffarena, li wassal għar-riżenja sfurzata tal-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon, kixef qarnita b’kontroll tal-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal dan meta kien il-mistieden tal-programm “Iswed fuq l-Abjad”, f’diskussjoni li trattat l-eżitu tal-investigazzjoni dwar l-Iskandlu Gaffarena.
Simon Busuttil spjega li l-Pulizija stennew tmien xhur biex bdew jinvestigaw u kien biss ftit tal-jiem ilu li marru fid-Dipartiment tal-Artijiet ħalli jfittxu evidenza dwar dan l-Iskandlu. Dan minkejja li hu ċar li kwalunkwe evidenza setgħet faċilment titneħħa f’dawn ix-xhur kollha.
F’dawn iċ-ċirkostanzi kollha, spjega l-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru ġab ruħu bil-maqlub ta’ kif mistenni u kaxkar saqajh sal-aħħar mument, filwaqt li ħa azzjoni biss meta ma kellu l-ebda għażla oħra.
Waqt il-programm, Simon Busuttil tkellem ukoll dwar ir-riżultati tal-aktar stħarriġ riċenti tal-opinjoni pubblika, li juri li d-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi kompla jonqos. Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li hu determinat li jkompli jaħdem biex jikseb il-fiduċja tal-poplu.
F’dan il-kuntest, hu fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Governanza Tajba, li għandhom l-għan li jintroduċu mod ġdid ta’ kif issir il-politika f’Malta.
//= $special ?>

