Sidien tal-pompi tal-petrol membri tal-GRTU heddew b’azzjoni legali fil-konfront tal-Enemed, li kienet akkużata b’abbuż ta’ monopolju li għandha fis-suq tal-importazzjoni tal-fuels. Mit-Tnejn li ġej, l-Enemed se tintroduċi fis-suq fuel ġdid tat-tip ‘super unleaded’. Madankollu, skont il-pjani oriġinali, 10 pompi tal-petrol biss mit-80 li hawn mifruxa ma’ Malta u Għawdex kienu se jingħataw dan il-fuel.
Is-sidien l-oħra tal-pompi lmentaw minn diskriminazzjoni min-naħa tal-Enemed u li b’din l-azzjoni mhux se jkun hemm ‘level playing field’. F’kummenti waqt il-programm “Follow-Up” fuq Radio 101, il-President tal-GRTU Paul Abela qal li l-Enemed ma tistax taqbad u tagħżel pompi tal-petrol, filwaqt li tħalli lill-oħrajn barra.
Skont l-Enemed, l-10 pompi ntgħazlu fuq żewġ kriterji: jekk immodernizzawx u anke fuq il-kriterju ta’ bejgħ. Madankollu, Paul Abela qal li fl-aħħar ħinijiet intlaħaq ftehim li permezz tiegħu kulmin hu interessat li jbigħ dan it-tip ta’ petrol, se jkun jista’ jagħmel dan. Fil-fatt, il-GRTU stess ipprovdiet lill-Enemed b’lista ta’ sidien li huma interessati jbigħu dan il-fuel.
‘Super Unleaded’ hu tip ta’ petrol b’kompożizzjoni kimika li tippermetti aktar effiċjenza tal-magna u joffri aktar saħħa b’anqas konsum. Dan il-fuel hu aktar adattat għal karozzi sportivi, għalkemm hu anqas effettiv f’karozzi ordinarji. Dan il-petrol mistenni jkun madwar 15ċ ogħla mill-petrol bla ċomb regolari.
//= $special ?>

