Lokali

L-ewwel dettalji minn investigazzjoni wara inċident b’fire extinguisher fuq tal-linja

Ritratt: Arkivji

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru fuq fire extinguisher li minnu dalgħodu beda ħiereġ bla kontroll trab (powder) jirriżulta li dan kellu s-safety ring u l-lockwire seal nieqsa.

Dan wassal biex karozza tal-linja bi vjaġġ mill-Belt lejn San Ġiljan fuq ir-rotta numru 14 kellha titwaqqaf fl-inħawi tal-Imsida. Dan wassal biex il-passiġġiera nksew bi trab abjad.

Fi stqarrija Malta Public Transport ikkonfermat il-każ u ħabbret li qed tinvestiga biex tiddetermina x’wassal għal dan l-inċident, inkluż billi tanalizza l-filmati mill-kameras tas-sigurta’.

Skont persuni li tkellmu magħna, għall-ewwel ix-xufier ma riedx iwaqqaf il-vjaġġ iżda għamel dan wara insistenza biex il-passiġġieri jitniżżlu u jirkbu karozza tal-linja oħra.