Internazzjonali

L-Iżvezja qed taħseb biex tkeċċi mat-80,000 immigrant

epa05131191 A picture made available 28 January 2016 shows a Swedish policeman watching newly arrived refugees at Hyllie station outside Malmoe, Sweden, 19 November 2015. Sweden is preparing for the expulsion of up to 80,000 people whose asylum bids have been rejected, a cabinet member said 28 January 2016. A record 163,000 people applied for asylum in Sweden in 2015, straining resources and capacity at reception centres and local municipalities. The increase of explusions will be likely only at the beginning of 2017 though, due to the backlog the Swedish Migration Agency was struggeling with. EPA/JOHAN NILSSON SWEDEN OUT

L-Iżvezja qed taħseb biex tkeċċi sa 80,000 immigrant li waslu fil-pajjiż fl-2015 u li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-kenn ma kenux milqugħa.
Il-Ministru għall-Intern Żvediż, Anders Ygeman, qal li filwaqt li l-indikazzjonijiet huma li se jkunu ddeportati xi 60,000, l-ammont tal-immigranti jista’, fil-fatt, jitla’ b’20,000 oħra. Ygeman kompla li l-Gvern kien talab lill-pulizija u l-awtoritajiet inkarigati mill-immigranti biex jorganizza t-tkeċċija tal-persuni indikati.
Il-miżura proposta tħabbret waqt li l-Ewropa qed tissielet ma’ kriżi wara li għexieren ta’ eluf ta’ immigranti waslu sal-bajjiet tal-Greċja. Ħafna minn dawn l-immigranti qegħdin jissugraw ħajjithom waqt vjaġġi mill-baħar huma u jaħarbu mill-konflitti fis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan.
Sadattant, il-Ministru Ygeman tkellem dwar it-tkeċċijiet u qal li fejn is-soltu, f’sitwazzjonijiet bħal dawn, jintużaw it-titjiriet kummerċjali, it-tkeċċijiet li jmiss iridu jsiru permezz ta’ ajruplani chartered speċjali. Dan minħabba l-ammont hekk kbir ta’ immigranti u meta l-proċess inkwistjoni għandu jsir fuq numru ta’ snin.
L-Iżvezja għandha popolazzjoni ta’ 9.8 miljun u hi fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li daħħlu l-akbar numru ta’ refuġjati u immigranti. Fil-fatt, l-awtoritajiet fi Stokkolma, fl-2015, aċċettaw li jieħdu ’l fuq minn 160,000 refuġjat li qed ifittxu kenn politiku.